Lokali

Kunsill Ħamrun: Bye-laws biex tiġi riżolta s-sitwazzjoni preżenti

By-laws dwar tlajjar u konsum ta' alkoħol fil-pubbliku

Fil-ġimgħat u x-xhur li għaddew il-Kunsill Lokali tal-Ħamrun irċieva numru sostanzjali ta’ lmenti mingħand residenti tal-lokal. Dan seħħ hekk kif fiz-zona tal-Ħamrun u l-madwar żdiedet sew il-preżenza ta’ barranin jitlajjaw fil-pjazez saħansitra fuq iz-zuntier tal-knisja. Kienu qed jiżdiedu wkoll in-numru ta’ persuni li jinstabu mitluqin mal-art jew fuq bankijiet, uħud minnhom xurbana, tant li r-residenti kienu qed jibżgħu jgħaddu minn ċertu zoni.

Netnews.com.mt tkellem ma’ Antonello Cuschieri, Minority Leader f’isem il-Partit Nazzjonalista li qalilna li l-Ħamruniżi kienu qed iħossu li l-Ħamrun m’għadux tagħhom u li ma jistgħux igawdu dak li għandha x’toffri l-lokalita’ taghħhom.

Kien għalhekk li l-kunsill fassal u approva żewġ bye-laws – waħda dwar il-konsum tal-alkoħol fil-pubbliku u oħra dwar tlajjar. L-ewwel liġi tipprojbixxi li persuna ġġor fuqha xorb alkoħoliku fil-pubbliku jekk mhux f’kontenitur issiġillat. Stabbilimenti kummerċjali fil-Ħamrun huma marbuta li jwaħħlu avviżi biex jinformaw lill-klijenti tagħhom dwar dan. It-tieni liġi tgħid li ħadd m’ghandu jitlajja fit-toroq tal-Ħamrun bla raġuni ċara.

Cuschieri temm jgħid li issa li l-kunsill approva dawn il-liġijiet, l-awtoritajiet għandhom f’idejhom l-għodda neċessarja biex ikunu jistgħu jittieħdu passi sabiex jiġu mnaqqsa l-abbużi fil-Ħamrun.