Internazzjonali

L-Awstralja: Jisfidaw liġijiet biex ikunu rappurtati każi tal-abbuż tat-tfal

Il-Knisja Kattolika fl-Awstralja qalet li għandha topponi l-liġijiet li jisfurzaw lill-qassisin biex jirrappurtaw każi ta’ abbuż tat-tfal ladarba huma jsiru jafu dwarhom bis-saħħa tal-qrar. Din is-sitwazzjoni, intant, mistennija twassal għal konfront bejn il-Knisja u l-Gvern Awstraljan.

Il-Papa Franġisku, meta żar l-Irlanda ftit tal-jiem ilu, kien talab maħfra għall-abbużi li sofrew il-vittmi taħt idejn il-membri tal-kleru (f’dak il-pajjiż) tul is-snin, waqt li wiegħed li mhumiex se jsiru aktar attentati biex każijiet bħal dawn jintefgħu taħt it-tapit.

Il-Kap tal-Kattoliċi bħalissa qed jikkonfronta diversi kriżi ta’ abbużi minn qassisin f’numru ta’ pajjiżi u l-atteġġjament tal-Isqfijiet Kattoliċi fl-Awstralja qed jirrifletti l-influwenza kbira li għad għandhom l-elementi konservattivi fi ħdan il-Knisja.

Dan meta l-Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi tal-Awstralja, li hi l-ogħla entità Kattolika fil-pajjiż, qalet li ma taċċettax ir-rakkomandazzjoni minn inkjesta uffiċjali biex il-qassisin ikunu mġiegħlha ‘bil-liġi’ li jirrappurtaw l-abbużi lill-pulizija wara li jkunu semgħu dwarhom mingħand persuni li jkunu marru għandhom għall-qrar.

Tnejn minn fost it-tmien Stati u territorji tal-Awstralja introduċew il-liġijiet li jiffissaw bħala reati dawk is-sitwazzjonijiet fejn qassis iżomm lura informazzjoni dwar abbużi li jkunu sama’ dwarhom waqt is-sagrament tal-qrar. Intant, l-Istati l-oħra qegħdin jikkunsidraw ir-reazzjonijiet rispettivi tagħhom fiċ-ċirkustanzi.

Min-naħa tiegħu, Mark Coleridge, bħala l-President tal-Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi tal-Awstralja, ikkritika l-liġi proposta bħala waħda imprattikabbli u li ma tibbażax fuq il-ħsieb xieraq.

Coleridge tenna wkoll li din il-liġi mhix se żżid il-livell tas-sigurtà għat-tfal u qed jistenna li din, x’aktarx, tispiċċa ttellef il-libertà tar-reliġjon. Coleridge anki fisser il-kunċett tal-qrar bħala ‘element tal-ħajja reliġjuża li mhix negozjabbli’.

L-Awstralja, is-sena l-oħra, ikkonkludiet investigazzjoni tal-Gvern ( li damet għal ħames snin) dwar l-abbużi tat-tfal fi knejjes u istituzzjonijiet oħra, fost allegazzjonijiet li l-knejjes kienu proteġew qassisin pedofeli b’li jittrasferuhom minn parroċċa għall-oħra.