Internazzjonali

L-Olanda: Aggressur ferut wara attakk fl-istazzjon tal-ferrovija ta’ Amsterdam

L-uffiċjali f’Amsterdam qed jinvestigaw attakk fuq żewġ persuni li sfaw feruti b’ daqqiet ta’ sikkina meta huma kienu fl-istazzjon tal-ferrovija ċentrali fil-kapitali Olandiża.

L-aggressur issuspettat ukoll spiċċa midrub wara li sparaw fuqu l-pulizija, bl-iskop wara l-attakk ma jkunx magħruf għalissa.

In-nies li kienu fl-inħawi rakkuntaw li, waqt l -inċident, ‘il-passiġġieri fil-viċinanzi telqu jiġru f’kull direzzjoni’ fost xeni ta’ paniku – u b’mod partikulari ‘wara li kienu nstemgħu l-ħsejjes ta’ tiri’

L-aggressur u ż-żewġ vittmi tiegħu,wara, ittieħdu dritt l-isptar biex ikunu trattati għall-ġrieħi, bl-operaturi tal-istazzjon iwaqqfu numru ta’ servizzi bil-ferrovija għal xi żmien. Ingħalqu wkoll żewġ platforms tal-istazzjon ta’ Amsterdam, waqt li kienet għaddejja l-investigazzjoni.

Filwaqt li l-ebda possibbiltà ma kienet qed tkun eskluża fiċ-ċirkustanzi, l-istazzjon tat-televiżjoni lokali AT5 qal li l-feriment taż-żewġ persuni fl-istazzjon ‘kien riżultat ta’ argument li nqala’ dak il-ħin’.

Intant, kelliema għall-pulizija għamluha ċara li huma ma setgħu jiżvelaw xejn konkret u dettaljat dwar l-inċident, meta l-investigazzjoni kienet qed tikkunsidra ‘kull xenarju possibbli’.

Hu kkalkulat li talanqas 250,000 persuna jużaw l-istazzjon ċentrali ta’ Amsterdam, kuljum. L-istazzjon hu hub ewlieni fil-kapitali Olandiża li dejjem ikun mimli bit-turisti li jkunu qed jivvjaġġaw lejn l-ajruport ta’ Schiphol.