Futbol Sport

Patrick Cutrone jagħti rebħa drammatika lil Milan

(Ritratt: EPA)

Milan kisbu l-ewwel rebħa tal-kampjonat meta b’gowl drammatiku għelbu lil Roma 2-1. Ir-Rossoneri kienu ġejjin minn telfa ta’ 3-2 kontra Napoli fl-ewwel impenn fis-Serie A, filwaqt li Roma wara r-rebħa lejn it-tmiem kontra Torino, spiċċaw 3-3 kontra Atalanta biex b’hekk sofrew l-ewwel telfa tal-kampjonat.

It-tim ta’ Gennaro Gattuso mar fil-vantaġġ fl-40 minuta permezz ta’ FRANCK KESSIE li skorja mill-qrib wara li rċieva kross fil-baxx mix-xellug ta’ Ricardo Rodriguez. Roma ħarġu aħjar fit-tieni taqsima u ġabu d-draw fid-59 minuta meta d-difiża naqset li tbiegħed il-periklu u kien id-difensur FEDERICO FAZIO li b’xutt mill-ewwel fil-baxx għar-rokna għeleb lil Gianluigi Donnarumma.

Ftit sekondi wara, Milan kienu għoddhom marru fil-vantaġġ meta Gonzalo Higuain ħarab minn kważi nofs il-grawnd u qabeż lil Robin Olsen qabel skorja fil-baxx, iżda wara konsultazzjoni mal-VAR ir-referee Marco Guida ħassar il-gowl għal offside millimetriku. L-istess destin kellu jiġri lil Roma li fid-79 minuta ħasbu li marru 2-1 minn fuq permezz ta’ Steven Nzonzi iżda l-gowl kien ukoll imħassar permezz tal-VAR minħabba li deher imiss il-ballun b’idu f’azzjoni ta’ korner.

Milan skorjaw il-gowl tar-rebħa ftit sekondi qabel skadew il-ħames minuti ta’ ħin miżjud meta Higuain b’intelliġenza għadda tajjeb lejn is-sostitut PATRICK CUTRONE li minn quddiem Olsen ma żbaljax b’xutt fil-baxx.

Tags