Lokali

4 irġiel mill-Georgia akkużati li pparteċipaw f’ċirku ta’ kriminalità organizzata

Erba’ persuni li kienu fost grupp ta’ 11-il persuna arrestati fil-jiem li għaddew, tressqu l-Qorti akkużati b’serq, imma baqgħu jinżammu arrestati wara li ma ngħatawx il-libertà proviżorja.

L-erba’ rġiel, kollha mill-Georgja u b’etajiet bejn 37 sena u 48 sena, ġew akkużati li ffurmaw parti minn ċirku ta’ kriminalità organizzata u li kienu fil-pussess ta’ diversi affarijiet misruqa.

Xi rġiel minn dan il-grupp ta’ erba’ persuni ġew akkużati wkoll bit-twettiq ta’ serqa minn dar f’Ħal Balzan. Is-serqa seħħet fl-aħħar ta’ Awwissu u nsterqu b’kemm jiswew €2,000 f’ġojjellerija.

Akkużati wkoll b’serq ta’ apparat elettroniku u aktar ġojjellerija minn residenza oħra f’San Pawl il-Baħar.

Fil-Qorti, il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Lydon Zammit li spjega kif twettqet l-investigazzjoni li wasslet għall-arrest tal-irġiel. Hu qal li l-Pulizija rnexxielha titraċċa appartament li fih uħud mill-irġiel dehru deħlin fih tal-inqas darbtejn.

Meta sar ir-raid tal-Pulizija, ġew arrestati b’kollox 11-il persuna li nstabu fl-appartament.

Fl-appartament, il-Pulizija sabet diversi oġġetti – fosthom ġojjellerija, apparat elettroniku, flus u fwejjaħ. Jirriżulta li dawn l-oġġetti kollha huma marbuta ma’ tmien serqiet li seħħew – fosthom is-serqa minn Ħal Balzan.

Sadanittant, minn dak li ntqal fil-Qorti, jirriżulta li l-allegati ħallelin bagħtu eluf ta’ ewro barra minn Malta.

Wara talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputati, il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal numru ta’ raġunijiet – bil-Qorti preseduta mill-Maġistrat Audrey Demicoli finalment tiddeċiedi li ma tagħtix libertà proviżorja. Il-każ ikompli.