Lokali

Iħejju għall-14-il edizzjoni tal-kunċert

Nhar it-Tnejn, 3 ta’ Settembru, lestu għal-lejla speċjali. Dan hekk kif mit-tmienja ta’ filgħaxija ‘il quddiem, il-Banda La Vittoria ser ittellgħa l-14-il edizzjoni tal-La Vittoria Youth Band XOW fil-Pjazza tal-Parroċċa tal-Mellieħa.

Taħt id-direzzjoni u l-produzzjoni tal-Mro Ryan Mallia din is-sena il-kunċert ser ikollu t-tema tal-mużika Swing b’kanzunetti u arranġamenti mużikali mir-repertorju ta’ Earth Wind & Fire, Queen u Robbie Williams fost oħrajn.

Dan filwaqt li f’għeluq il-150 sena mil-mewt tal-kompożitur Gioachino Rossini, ser tindaqq il-mużika tiegħu li kieku inkitbet fuq stil swing.

Mal-Banda se jingħaqdu fost l-oħrajn, grupp ta’ żeffiena professjonali ‘Danza C’ taħt it-tmexxija ta’ Christina Cauchi.  Preżenti wkoll il-kantanti Daniel Cauchi u Julia Grima, l-Kor tat-tfal ‘Vuċijiet Vittorjani’ u l-kantanti żgħażagħ Mireille Borg, Thea Gauci u Cassandra Scerri.  Jieħu sehem ukoll Ronald Briffa.

Intant, l-għada, t-Tlieta 4 ta’ Settembru, il-banda ser tippreżenta l-Kunċert Annwali tal-Festa fejn is-Surmast Direttur attwali Mro. Joseph Vella ser ikun qiegħed iġib fit-tmiemhom 25 sena ta’ ħidma mal-Banda La Vittoria.  Fl-istess kunċert ser ikun qiegħed jgħaddi t-tmexxija tal-Banda lil Mro. Ryan Mallia.