SAN ĠILJAN TUM INVEST…. 10
SIRENS GREENTUBE………… 7
(2-3), (2-1), (2-1), (4-2)
Iċ-champions San Ġiljan TUM Invest batew iżda finalment ħadu dak li riedu hekk kif għaddew għall-finali tal-play-offs f’logħba mimlija tensjoni. Żgur li ma kinitx l-aqwa prestazzjoni tal-Ġiljaniżi iżda l-kowċ Orlovic jinsab kuntent bit-tim li minkejja d-diffikultajiet issielet għal rebħa importanti.
Il-problemi li sabu San Ġiljan fis-semifinali kienu mertu ta’ Sirens li taw kollox fit-tliet logħbiet u fil-logħba offrew sfida denja fejn qatt ma kienu minn taħt sa nofs il-logħba.
Fl-ewwel żewġ sessjonijiet Sirens kienu ftit aħjar minn San Ġiljan iżda t-tieni sessjoni ntemmet 4-4. Sirens kienu fil-vantaġġ f’erba’ okkażjonijiet b’żewġ doppjetti ta’ Edward Aquilina u Paul Privitera, b’tal-aħħar jiskorja żewġ gowls mill-isbaħ.
San Ġiljan kellhom jiġru wara l-logħba fl-ewwel parti hekk kif il-pressjoni kienet fuqhom biex jiddettaw il-logħob u jikkonvinċu fl-azzjonijiet tagħhom.
Konxji minn dak li seta’ jiġri fi tmiem il-logħba, iż-żewġ timijiet kienu aktar attenti li jagħmlu l-anqas żbalji possibbli. Sirens baqgħu juru logħob konsistenti iżda bdew jiżbaljaw f’diversi passaġġi fl-attakk. Matthew Zammit poġġa lil San Ġiljan għall-ewwel darba minn fuq, iżda Bicari wieġeb ftit wara għal Sirens, madankollu kien Dino Zammit li skorja b’anqas minn minuta għal tmiem is-sessjoni biex San Ġiljan bdew l-aħħar sessjoni b’gowl vantaġġ.
Fl-aħħar tmien minuti, Sirens naqsu li jieħdu vantaġġ mill-okkażjonijiet li kellhom filwaqt li San Ġiljan, li kienu mingħajr Andreas Galea fl-aħħar sessjoni, kienu aktar kompatti. Kien Peter Borg li skorja l-gowl tal-vantaġġ biex l-istess plejer tħalla waħdu ħdejn il-lasta ta’ Sirens u għalaq il-logħba. Ben Plumpton issiġilla r-rebħa lejn it-tmiem.
San Ġiljan: J. Tanti, P. Borg (3), A. Galea, B. Grech, C. Farrugia, M. Zammit (1), B. Plumpton (1), Da. Zammit, T. Said, P. Obradovic (3), P. Fava, Di. Zammit (2), T. Micallef
Sirens: N. Grixti, P. Privitera (2), E. Aquilina (2), N. Bicari (1), M. Grech, I. Riolo, C. Mercieca (2), J. Sciberras, J. Napier, G. Sammut, L. Caruana, J. Brownrigg, G. Galea Curmi
Referees: Mario Dalli, Frederico Braghini
//= $special ?>