Internazzjonali

Il-Ministru għall-Enerġija tat-Tuneżija mkeċċi dwar korruzzjoni

Il-Prim Ministru tat-Tuneżija, Youssef Chahed, keċċa lill-Ministru responsabbli mill-Enerġija, Khaled Kaddour, fuq akkużi ta’ korruzzjoni. Ma’ Kaddour tkeċċew ukoll erba’ uffiċjali oħra b’rabtiet ma’ dak il-ministeru, għall-istess akkużi.

Intant, Chahed ħareġ direttiva biex il-ministeri għall-enerġija u l-industrija jingħaqdu f’entità waħda. Dan meta bħalissa għaddejja investigazzjoni bir-reqqa dwar l-akkużi miġjuba kontra Kaddour u l-uffiċjali l-oħra.

Kaddour ma kkummentax dwar is-sitwazzjoni meta hu sar l-ewwel Ministru ‘fil-mira’ tal-kampanja kontra l-korruzzjoni li kien beda Chahed, is-sena l-oħra. Qabel il-każ ta’ Kaddour kienu tilfu xogħolhom biss uffiċjali ta’ grad anqas li ċċappsu bil-korruzzjoni.

L-uffiċjali l-oħrajn li tkeċċew ma’ Kaddour huma s-segretarju tal-Istat għall-enerġija; id-direttur ġenerali tal-fuel; il-kap tal-kumpanija taż-żejt nazzjonali, ETAP, u d-direttur ġenerali għall-affarijiet legali mal-Ministeru tal-Enerġija.

Il-kumitat għal kontra l-korruzzjoni fit-Tuneżija, sadattant, qal li l-korruzzjoni għadha ‘mifruxa sew’ fis-setturi kummerċjali kollha u, kull sena, qed ittellef l-ekwivalenti ta’ biljuni ta’ dollari lill-Istat.