Il-Partit Nazzjonalista kkundanna l-aġir tal-Gvern li ppjana, beda u kważi lesta xogħol, bżonjuż kemm hu bżonjuż, fit-triq Tal-Balal, mingħajr ma applika għall-permessi meħtieġa skont il-liġi, u hija konferma ta’ kemm dan il-Gvern jemmen li hu ‘l fuq mil-liġi. Dan huwa ħażin u perikoluż għal diversi raġunijiet.
Fi stqarrija ffirmata minn Adrian Delia, Kap tal-Oppożizzjoni u Kelliem tal-Ġustizzja u l-Governanza Tajba; Toni Bezzina, Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar Trasport u Infrastruttura; Jason Azzopardi, Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u l-Green Initiatives; u Marthese Portelli, Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar il-Proġetti Kapitali, l-Ippjanar u s-Suq tal-Propjetà; tfisser li filwaqt li n-nies jimxu skont il-liġi kif suppost, il-Gvern minflok jagħti eżempju, għażel li jaqbeż l-applikar tal-permessi. Dan wassal sabiex:
• Ġab fix-xejn lill-Awtorità tal-Ippjanar u lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, fost oħrajn, għaliex fejn suppost dawn l-awtoritajiet jixtarru u jagħmlu l-istudju neċessarju fuq kull applikazzjoni ta’ żvilupp qabel ma jibda x-xogħol, din spiċċat gallarija b’idejha marbutin b’deċiżjoni tal-Gvern stess.
• Huwa perikoluż u ħażin għaliex il-Gvern qed jibgħat messaġġ liċ-ċittadini li m’hemm xejn ħażin li tieħu l-liġi b’idejk, bil-konsegwenza li min hu l-aktar dgħajjef ,u jew batut, ma jkollux ħajt ta’ kenn.
• Huwa ħażin u perikoluż għaliex iċ-ċittadini ġew misruqa mis-serħan tal-moħħ li l-impatt ambjentali għandu jkun imnaqqas kemm jista’ jkun, minflok isir xogħol bla pjan.
• Il-Gvern wettaq diskriminazzjoni kontra ċ-ċittadini kollha li josservaw il-liġi billi qabel ma jibdew ix-xogħlijiet ikollhom iġibu l-permessi neċessarji.
Il-Partit Nazzjonalista kkundanna dan l-aġir għax jemmen f’soċjetà li jimpurtaha fejn kulħadd inkluż il-Gvern, irid josserva l-liġi sabiex is-soċjetà tagħna tkun waħda ġusta u ekwa.
//= $special ?>