Skema li qed toffri iljieli f’lukandi ta’ ħames stilel bi prezzijiet irħas ħafna, iżda meta persuni qed jaslu fil-lukandi offruti lilhom, qed jispiċċaw iħalsu l-prezz oriġinali li toffri l-lukanda.
Persuna li kien juża din l-iskema qalilna li għal diversi snin, din l-iskema kienet waħda tajba u effiċenti, madanakollu f’dawn l-aħħar snin bdiet il-problema li ma jitħalsux il-flus.
Persuna oħra li ssieħbet f’din l-iskema f’dawn l-aħħar xhur qaltilna li kontinwament hemm nies li qed jingidmu minn din il-kwistjoni, bħalma ġralha hi u l-familja tagħha.
Dawn il-persuni, li huma kollha membri ta’ skema Rediscover the World – Platinum International Services, ikunu ħalsu lil kumpanija biex isiru membri magħhom filwaqt li minn naħa l-oħra, il-kumpanija tibbukjalek il-lukanda li tkun tixtieq toqgħod fiha, skont is-sħubija li tkun għażilt.
Fost diversi kuntatti li saru biex tissolva din il-problema, li għal bidu lil din il-familja qalulhom li kien biss żball ġenwin, huma qed jallegaw li l-General Manager ta’ din il-kumpanija, Bernadette Gauci ġabitilhom skuża li għandha problemi familjari.
Skuża li rrepetitha lil diversi nies mill-inqas mill-2015 li spiċċaw ingidmu minn din is-sitwawzzjoni snin ilu. Minn hemmhekk diversi persuni bdew jindunaw li ma kienux weħidhom f’din il-kwistjoni, tant li nfetaħ grupp fuq Facebook li tilqa’ nies b’din l-istess kwistjoni.
Diversi nies Maltin qed jispiċċaw jiġu arrestati f’pajjiżi barranin minħabba li ma jkollhomx flus fuqhom biex iħalsu l-lukandi.
Sadanittant, sa ftit jiem ilu l-laqgħat biex jikkonvinċu biex wieħed isir membru f’din l-iskema kienu għadhom qed isiru minkejja dan kollu – b’hekk diversi vittmi baqgħu jissieħbu mingħajr ebda ħjiel li dan kollu qed iseħħ.
Net News prova jikkuntatja lil Bernardette Gauci diversi drabi, manadakollu l-ebda drabi ma kien hemm risposta. Minn naħa l-oħra, is-sid tal-kumpanija, Michael Tolan jinsab imfittex mill-pulizija biex jinvestigaw dan il-każ, iżda dan jidher li ħarab minn Malta f’dawn l-aħħar jiem. Il-kumpanija f’Malta bħalissa tinsab magħluqa.
//= $special ?>
