Lokali

‘In-nies għandhom dritt ikunu jafu’ – Adrian Delia

Il-Gvern għandu minnufih jiċħad jew jikkonferma l-allegazzjoni li saret, għax in-nies għandhom dritt ikunu jafu.

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fi tweet wara li kien żvelat li l-FIAU ilha sa minn Frar taf min hu s-sid tal-kumpanija 17 Black, irreġistrata f’Dubaj, wara li kienet infurmata mill-awtoritajiet tal-Latvja.

Din l-informazzjoni kienet żvelata mill-Membru Parlamentari Ewropea Ana Gomes, mill-grupp tas-Soċjalisti, li ddikjarat li l-awtoritajiet tal-Latvja pprovdew lil pajjiżna dettalji anke dwar trasferimenti li din il-kumpanija għamlet mill-bank ABLV.

Jidher li l-informazzjoni ngħatat wara talba mill-FIAU Maltija stess, u din ingħatat immedjatament tlett ijiem wara.

Skont rivelazzjonijiet minn The Daphne Project, konsorzju ta’ ġurnalisti li ngħaqad wara l-assassinju tal-ġurnalista Maltija, 17 Black irċeviet żewġ tranżazzjonijiet ta’ 1.4 miljun dollaru Amerikan mill-kumpanija tas-Seychelles Mayor Trans, li s-sid tagħha hu persuna mill-Ażerbajġan.

Il-flus għaddew f’Novembru 2015 mill-bank tal-Latvja ABLV, li għalaq wara allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus.
17 Black, li s-sid tagħha mhux magħruf, kien instab li kellha bħala target client tagħha lill-kumpaniji rreġistrati fil-Panama li twaqqfu għaċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, u l-Ministru Konrad Mizzi.