Dan l-inċident kapaċi kellu konsegwenzi diżastrużi. Hekk sostna d-Dekan tal-Fakultà tal-Kimika fi ħdan l-Università ta’ Malta, il-Professur Emmanuel Sinagra f’intervent waqt il-programm Iswed fuq l-Abjad – dwar in-nirien li seħħew il-Ġimgħa filgħodu fl-impjant tal-Wasteserv fil-Magħtab.
Huwa insista li t-temp iffavorixxa l-andament tas-sitwazzjoni l-għaliex id-daħna ma kinetx qrib l-art. Il-Professur kompla jsostni li li kieku d-daħna s-sewda kienet fil-baxx setgħet faċilment taffettwa l-popolazzjoni ġenerali. Huwa spjega li għalkemm s’issa mhux qed jiġi rraportat li kien hemm kimiċi ta’ periklu involuti f’dawn in-nirien – xorta waħda l-partiċelli fl-arja huma ta’ dannu għas-saħħa.
Il-Professur saħaq li meta jkun qed jinħaraq xi ħaġa bħal plastic mhux f’impjant, bla ebda kontroll, dan xorta waħda ser ikollu partiċelli perikolużi – l-istess bħal meta ma tistax tibla’ l-exhaust mill-vetturi, jew id-dħaħen tal-barbeques. Bid-differenza, kompla jispjega Emmanuel Sinagra, li hemm il-possibilità li mal-partiċelli tad-dħaħen kien hemm ukoll kimika mill-plastic.
Il-Professur Sinagra spjega li wieħed jista’ jkollu idea aktar ċara ta’ x’effetti ħalliet warajha fuq l-art u r-raba tal-inħawi wara li joħorġu r-riżultati tat-testijiet ordnati mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi. Huwa saħaq li jekk l-ERA tindika li ħa twettaq testijiet sabiex tistabilixxi jekk kienx hemm PVC involut fl-iskart li tqabbad jew le – hawn tingħata indikazzjoni ċara li hemm il-biża’ li mad-daħna kien hemm partiċelli ta’ diossina.
//= $special ?>