Kimi Raikkonen kiseb l-aktar pole position veloċi fl-istorja tal-Formula 1 meta għeleb l-isfida ta’ sieħbu Sebastian Vettel biex se jibda l-Grand Prix tal-Italja fuq quddiem. Iż-żewġ sewwieqa kienu fi dwell ma’ Lewis Hamilton tal-Mercedes fl-aħħar minuti tal-provi uffiċjali.
Hamilton naqas li jagħmel l-aħjar ħin fl-aħħar dawra tiegħu, u wara li Vettel tejjeb il-ħin tiegħu, kien Kimi Raikkonen li għamel l-aħjar ħin, bil-partitarji preżenti tal-Ferrari jifirħu għal din id-doppjetta fiċ-ċirkwit tal-Italja. It-tieni post ta’ Vettel fisser li Ferrari assiguraw posthom fl-ewwel żewġ postijiet għall-Grand Prix ta’ Monza għall-ewwel darba mill-2000.
B’dan ir-riżultat, fl-età ta’ 38 sena Raikkonen sar l-ixjaħ sewwieq li kiseb il-pole position minn żmien Nigel Mansell li fl-1994 kien rebaħ pole position fl-età ta’ 41 sena.
Il-medja l-aktar veloċi nkisret sitt darbiet mill-ewwel tliet sewwieqa fl-aħħar fażi ta’ kwalifikazzjoni, bid-dawra ta’ Raikkonen tikser dik li kien għamel Juan-Pablo Montoya fl-2004 ukoll f’Monza.
Hamilton li kellu jikkuntenta bir-raba’ post qal li jafu li Ferrari kellhom aktar pass din il-ġimgħa u kompla li kien hemm bżonn xi ħaġa speċjali biex jilħaq lit-tim Taljan. It-tieni filliera se tkun kollha tal-Mercedes wara li Valtteri Bottas kiseb ir-raba’ post, b’Max Verstappen jispiċċa l-ħames għar-Red Bull iżda sekonda u nofs wara Raikkonen, f’ċirkwit li mhux ideali għal karozza tar-Red Bull.
Romain Grosjean spiċċa s-sitta għal Haas, segwit minn Carlos Sainz tar-Renault, Esteban Ocon u Pierre Gasly tat-Toro Rosso. F’waħda mis-sorpriżi tal-ġurnata, Lance Stroll kiseb l-għaxar post.
//= $special ?>