Il-Partit Nazzjonalista jrid Soċjetà li Jimpurtaha u li tkun mibnija fuq ħames pilastri: il-ħarsien tal-ħajja, l-għajxien diċenti għal kulħadd, il-wens għal dawk f’qagħdiet dgħajfin, il-kwalità tal-ħajja u l-identità tagħna bħala Maltin u Għawdxin.
Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista għażel it-tema “Soċjetà li Jimpurtaha” għall-Festi tal-Indipendenza, li din is-sena se jkunu ċċelebrati fuq il-Fosos tal-Furjana bejn is-Sibt 15 u l-Ħamis 20 ta’ Settembru, fl-okkażjoni tal-54 anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza ta’ pajjiżna.
Dan kien spjegat f’konferenza tal-aħbarijiet mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli. Hu kompla li Soċjetà li Jimpurtaha hi l-viżjoni li l-Partit Nazzjonalista jrid għal Malta tal-futur. Dan fejn is-soċjetà tagħna trid tkun waħda li jimpurtaha minn dak li jagħmilna bnedmin u kif jitqassam il-ġid li jinħoloq, fejn kulħadd ikollu għajxien diċenti.
Fl-istess waqt, Soċjetà li Jimpurtaha hi soċjetà li tagħder u li tagħti l-opportunitajiet, speċjalment dawk li jaffaċjaw diffikultajiet u problemi. Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista spjega kif Soċjetà li Jimpurtaha tinkludi wkoll il-kwalità tal-ħajja u l-ambjent biex ikollna pajjiż sabiħ u nadif, filwaqt li nħarsu u nirrispettaw l-identità li tagħmilna Nazzjon Indipendenti.
Akkumpanjat mill-President tal-Kunsill Amministrattiv tal-Partit David Stellini u l-Kordinatur Politiku Jean Pierre Debono, Clyde Puli ta wkoll id-dettalji tal-programm tal-festi, li bħas-soltu, jolqtu l-gosti taż-żgħażagħ u tal-familji kollha.
Matul din l-edizzjoni tal-Festi tal-Indipendenza, se jkun hemm programm varjat ta’ divertiment, fosthom it-tribute bands ta’ Coldplay u Queen, il-Mark Spiteri Lucas Band u D-Capitals. Se jittella’ wkoll il-Konkors Kanzunetta Indipendenza u l-Konkors Kanzunetta Indipendenza Junior, kif ukoll Teen Party.
Il-Fosos se jospitaw ukoll numru kbir ta’ attivitajiet sportivi, imtella’ minn TimSport PN, li jinkludu fost l-oħrajn mixja u ġirja fis-16 ta’ Settembru, kif ukoll dixxiplini sportivi bħall-futbol, waterpolo, basketball, ċikliżmu, sparar fuq il-plattini, judo u table tennis, fost l-oħrajn.
Bħas-soltu, se jittellgħu wkoll id-diskussjonijiet politiċi bejn il-Ħadd 16 f’għeluq l-ewwel sena ta’ Adrian Delia bħala Kap tal-Partit u l-Erbgħa 19, bil-qofol tal-attivitajiet jintlaħaq bil-mass meeting indirizzat mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia l-Ħamis 20.
Sadanittant, fl-10 ta’ Settembru fid-Dar Ċentrali se tittella’ wirja tal-arti dwar l-artist u skultur Gabriel Caruana, b’apprezzament mill-Professur Richard England. Se ssir ukoll diskussjoni organizzata mill-APAN flimkien mal-Professur Henry Frendo. U l-Ġimgħa 21 ta’ Settembru se jsir Riċeviment għall-Attivisti f’Malta, filwaqt li ġimgħa wara jinżamm wieħed f’Għawdex.
//= $special ?>