Sport Sport Ieħor

Valletta jikkwalifikaw għar-rawnd prinċipali tal-UEFA Futsal Champions League

Valletta kisbu paġna storika fl-istorja tal-klabb tagħhom meta rebħu t-tielet u l-aħħar logħba minn Grupp E b’rebħa missielta ta’ 8-5 fuq Veles tal-Maċedonja. B’hekk Valletta spiċċaw b’disa’ punti u għaddew għar-rawnd prinċipali wara li kienu aktar kmieni din il-ġimgħa għelbu lil Cosmos tal-Estonja 4-2 u Futsamba Naas 5-0.

Veles li kienu qed jilagħbu f’pajjiżhom, fetħu l-iskor wara tmien minuti u nofs, iżda Valletta dawru l-iskor b’doppjetta tal-Kolombjan Camilo Gomez fis-16 u s-17-il minuta, vantaġġ li żammewh sal-ħin tal-mistrieħ.

It-tim ta’ Xavier Saliba fetaħ it-tieni taqsima bl-aħjar mod possibbli b’żewġ gowls fl-ewwel żewġ minuti permezz tal-Ispanjol Yerai Hernandez Gutierrez u l-Georgjan Murtaz Kakabadze. Veles naqqsu d-distakk fil-25 minuta, iżda Denis Di Maio żamm il-vantaġġ ta’ tliet gowls. Madankollu kien ftit sekondi wara Veles skorjaw it-tielet gowl.

Zoran Leveski skorja t-tieni gowl personali u għamel l-iskor 5-4 b’ħames minuti għat-tmiem. Minħabba li riedu jsalvaw il-logħba, Veles lagħbu l-aħħar minuti bil-flying keeper, tattika riskjuża minħabba li ma jkunx hemm gowlkiper fiss fil-lasta.

Valletta ħadu vantaġġ u Camilo Gomez għaqqad it-tripletta u għamel l-iskor 6-4, iżda Aleksandar Gligorov skorja mill-ewwel min-nofs il-grawnd biex reġa’ fetaħ il-logħba. Kien il-gowlkiper Tornike Bukia li qabad ballun u skorja minn lasta għal lasta biex għamel l-iskor 7-5 u Yerai Hernandez Gutierrez ssiġilla r-rebħa għaxar sekondi mit-tmiem.

Tags