Hekk kif ingħata bidu għall-istaġun tal-kaċċa tal-ħarifa, botta u risposta bejn il-Federazzjoni tal-Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) u BirdLife Malta.
Dan hekk kif l-FKNK qed tisħaq li l-Kumitat Ornis ma’ laħaq l-ebda ftehim sabiex tiġi mwaqqfa l-Wildlife Crime Unit. Madanakollu fi stqarrija separata, BirdLife Malta saħqu li għal kuntrarju ta’ dak li qed jingħad ntlaħaq qbil unanimu – tant hu hekk li skonthom, il-membri kollha tal-Kumitat – fosthom rappreżentanti tal-FKNK qablu unanimament – b’ittra uffiċjali tintbgħat lis-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri.
Fi stqarrija, l-FKNK insistiet li għalkemm kienet l-istess federazzjoni li proponiet it-twaqqif tal-Wildlife Crime Unit – f’dan l-istadju mhux qed tħoss il-bżonn li titwaqqaf. Għal din l-istqarrija BirdLife Malta saħqet li l-FKNK qed twettaq dan il-u-turn riżultat tal-ilmenti ta’ numru sostanzjali ta’membri tagħha li huma inkorlati li l-Federazzjoni tagħhom qablet mat-twaqqif ta’ din il-Unit. Huma saħqu li dan ifisser, kompliet tisħaq il-BirdLife, li l-FKNK qed titmexxa minn sezzjoni ta’ persuni li ma jridux titjib fl-infurzar kuntrarju għal dak li jixtieq il-poplu Malti – inkluż kaċċaturi ta’ rieda tajba.
Mill-banda l-oħra l-FKNK saħqu li m’hemmx bżonn ta’ din il-Unit ġaladarba hemm l-ALE – għaliex ser tiswa ħafna flus żejda lill-pajjiż. BirdLife Malta insistiet li l-FKNK tilfet kull kontroll tal-membri tagħha u tenniet is-sejħa lill-Gvern sabiex jissospendi l-istaġun tal-kaċċa sal-15 ta’ ottubru filwaqt li jibda jippjana t-twaqqif tal-Wildlife Crime Unit mill-aktar fis.
//= $special ?>
