Futbol Sport

Doppjetta ta’ Romelu Lukaku tagħti rebħa konvinċenti lil Manchester United

(Ritratt: EPA)
L-ewwel telfa għal Tottenham Hotspur u t-tieni rebħa għal Arsenal

Manchester United irritornaw għar-rebħa meta f’Turf Moor għelbu l-isfida ta’ Burnley 2-0. Konfront li fih kisbu rebħa meritata hekk kif iddettaw il-logħba u saħansitra kellhom iċ-ċans li jirbħu b’distakk akbar. Ir-Red Devils daħlu għal din il-partita wara li kienu sofrew żewġ telfiet fi tliet logħbiet.

Huma fetħu l-iskor fis-27 minuta meta Alexis Sanchez sab lil Romelu Lukaku bi kross preċiż mix-xellug, bl-attakkant Belġjan jogħla tajjeb biex għeleb lil Joe Hart b’daqqa ta’ ras. Manchester United irduppjaw eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima meta f’azzjoni maħduma tajjeb, ix-xutt ta’ Jesse Lingard ħabat darbtejn b’Romelu Lukaku jkun pront u jiskorja mill-viċin.

Burnley pruvaw iwettqu reazzjoni fit-tieni taqsima iżda Manchester United baqgħu jikkontrollaw tajjeb. It-tim ta’ Josè Mourinho kellu ċans li jagħmilhom tlieta fit-68 minuta meta s-sostitut Marcus Rashford twaqqa’ minn Aaron Lennon fil-kaxxa. Iżda mill-11-il metru l-penalty ta’ Paul Pogba kien salvat f’korner minn Joe Hart.

Tliet minuti wara, United kellhom ikomplu l-logħba b’raġel anqas meta tkeċċa Marcus Rashford wara ritaljazzjoni ma’ Phil Bardsley. United xorta kellhom iċ-ċans li jżidu l-iskor b’żewġ okkażjonijiet ta’ Lukaku.

Arsenal kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva meta għelbu lil Cardiff 3-2 barra minn darhom, biex b’hekk kompliet tonqos il-pressjoni minn fuq il-manager il-ġdid Unai Emery wara żewġ telfiet fl-ewwel żewġ logħbiet.

Arsenal fil-vantaġġ fil-11-il minuta meta minn korner mix-xellug daħal tajjeb Shkodran Mustafi li b’daqqa ta’ ras b’saħħitha għeleb lil Neil Etheridge. Cardiff ġabu d-draw eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima b’Victor Camarasa jirċievi kross mix-xellug u wara li kkontrolla tajjeb spara wara Petr Cech.

Il-Gunners reġgħu marru minn fuq fit-62 minuta b’xutt sabiħ għar-rokna minn barra l-kaxxa ta’ Pierre-Emerick Aubameyang. Iżda Cardiff reġgħu ġabu d-draw tmien minuta wara b’daqqa ta’ ras ta’ Danny Ward li ħabtet mal-wieqfa qabel daħlet fix-xibka.

Kellu jkun gowl ta’ Alexandre Lacazette fil-81 minuta li ddeċieda l-logħba, bil-Franċiż jiskorja b’xutt b’saħħtu fuq l-ewwel lasta.

Watford komplew il-bidu fenomenali tal-kampjonat meta taw l-ewwel telfa lil Tottenham Hotspur b’rebħa ta’ 2-1 f’Vicarage Road. Kienu Tottenham li fetħu l-iskor fit-53 minuta meta kross mil-lemin ta’ Lucas Moura ħabat ma’ Abdoulaye Doucoure u għeleb lil Ben Foster.

Iżda Watford baqgħu fil-logħba u ġabu d-draw fid-69 minuta. Kien free-kick mil-lemin fil-kaxxa, b’Troy Deeney jidħol tajjeb biex għeleb lil Michael Vorm b’daqqa ta’ ras għar-rokna xellugija. Il-gowl tar-rebħa wasal seba’ minuti wara meta din id-darba kien korner mix-xellug, bid-difensur Craig Cathart jegħleb lil Vorm b’daqqa ta’ ras fin-naħa ta’ fuq tax-xibka.