Il-Kandidat Laburista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, Cyrus Engerer, reġa’ għal darb’oħra akkwista rwol ta’ konsulenza mal-Gvern – xhur wara li rreżenja minn Brussell.
Engerer ser ikun qed jagħmilha ta’ konsulent tal-Prim Ministru Joseph Muscat dwar l-Unjoni Ewropea – dan ifisser li għal darb’oħra Cyrus Engerer spiċċa jieħu l-paga mill-Gvern. Dan kollu ġie żvelat fuq il-ġurnal Malta Today hekk kif ġie spjegat li wara 3 snin idaħħal mal-€85,000 fis-sena bħala diplomatiku fi Brussell, s’issa mhux magħruf kemm qed idawwar minn fuq it-taxxi tal-poplu. Meta mistoqsi mill-MaltaToday, Engerer saħaq li ma setgħax jgħidilhom bi preċiż kemm għandu paga, għax il-kuntratt kien għadu mhux iffinalizzat mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Sorsi qrib il-ġurnal MaltaToday saħqu li Engerer ried il-pożizzjoni ta’ rappreżentant permanenti għall-Unjoni Ewropea, rwol li ngħata lil Daniel Azzopardi. Allegatament din il-pożizzjoni ma ngħatatlux wara battibek qawwi mal-Ministru Helena Dalli.
F’intervista mal-MaltaToday Cyrus Engerer insista li meta preżenta r-reżenja tiegħu lill-Prim Ministru huwa talbu sabiex iżomm xorta waħda ċertu responsabbiltajiet.
B’paga ta ftit inqas minn €35,000 li bil-bonuses kienet titla għal madwar €50,000, Cyrus Engerer minn dejjem kien wieħed mill-favoriti ta’ Joseph Muscat – fejn wara li kien ingħata sentenza sospiża għal sentejn wara li nstab ħati ta’ ‘revenge porn’ – Muscat offrielu żewġ positions of trust u ddeskrivieh bħala suldat tal-azzar.
//= $special ?>