Futbol Sport

Heung-Min Son se jevita s-servizz militari

(Ritratt: Reuters)

L-attakkant ta’ Tottenham Heung-Min Son se jevita s-servizz militari għall-Korea ta’ Isfel wara li għen lill-pajjiżu biex jegħleb lit-tim nazzjonali tal-Ġappun 2-1 fil-finali tal-Logħob Asjatiku. Rebħ ta’ midalja tad-deheb f’dan l-avveniment kif ukoll podju fl-Olimpjadi huma l-uniċi modi kif futboler tal-Korea ta’ Isfel ikun skużat milli jagħmel servizz militari.

Il-logħba kontra l-Ġappun kompliet fil-ħin barrani qabel ma’ Seung-Woo Lee u Hwang Hee-Chan poġġew lill-Korea ta’ Isfel 2-0 minn fuq. Ueda Ayase naqqas id-distakk iżda l-Koreani ddefendew l-aħħar ftit għall-ħames titlu.

Heung-Min Son li kien il-captain tat-tim, kien mibdul fl-aħħar sekondi biex jaħli l-ħin u mat-tisfira finali ġera minn fuq il-bankina dritt fuq il-gowlkiper Jo Hyeon-Woo. Il-plejer ta’ 26 sena ma għamilx is-servizz militari ta’ sentejn li suppost kellu jagħmel u kien ikun kostrett li jagħmel dan kieku l-Korea ta’ Isfel naqset li tirbaħ il-finali.

Iżda r-rebħa kienet ta’ benefiċċju għall-iskwadra kollha tal-Korea ta’ Isfel u assigurat li ma jkollhomx għalfejn jagħmlu s-servizz militari. Heung-Min Son għadu kemm iffirma kuntratt ta’ ħames snin ma’ Tottenham f’Lulju li għadda.

Il-Korea ta’ Isfel kellha suċċess f’din il-kompetizzjoni erba’ snin ilu b’rebħa konta l-Korea ta’ Fuq, iżda Son ma kienx fl-iskwadra hekk kif il-klabb tiegħu dak iż-żmien Bayer Leverkusen, irrifjuta li jħalli lil Son jilgħab.