Lokali

Id-droga negozjata moħbija fiċ-ċimiterji tax-Xagħra u x-Xewkija

Aktar fatti xokkanti dwar it-traffikar tad-droga f’Għawdex

Wara r-rapporti żvelati mill-gazzetta il-mument dwar id-droga negozjata fil-Pjazza tax-Xagħra minn ħanut partikulari li iżda fih qatt ma jkun hemm traċċi ta’ droga, matul din il-ġimgħa komplew jitkellmu ma’ il-mument aktar persuni li għaddew aktar informazzjoni sensittiva dwar dak li qiegħed jiġri.

Dawn il-persuni qalu li d-droga negozjata fil-Pjazza tax-Xagħra qed tinħeba f’postijiet lil hinn mill-istess Pjazza, fosthom saħansitra fiċ-ċimiteri tal-lokal – jiġifieri fiċ-ċimiteru tax-Xagħra – iżda anki fiċ-ċimiteru tax-Xewkija.

Meta filgħaxijiet dawn ikunu magħluqa, din id-droga tinħeba f’postijiet fil-viċinanzi tagħhom b’tali mod li min iħallas għal dak li jkun irid –ħaxixa, eroina, kokaina u droga oħra – kemm jingħadlu fejn jinsab il-pakkett tiegħu u dan imur jiġbru minfejn indikat.

Hu minħabba f’din il-kumplessità li jista’ jkun li l-Pulizija ta’ Għawdex għadha ma rnexxielha qatt tasal għas-suċċess li taqbad id-droga negozjata fil-Pjazza tax-Xagħra.

Is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument qalu li l-Pulizija għandha diversi mezzi kemm-il darba trid tassew tasal biex taqbad lil min qiegħed jinnegozja d-droga f’Għawdex, fosthom mill-Pjazza tax-Xagħra.

Għal bosta snin, anzi għal snin twal, komplew jgħidulna s-sorsi tagħna, il-Pulizija f’Għawdex qatt ma kellhom suċċessi fil-konfront tad-droga, tant li bosta drabi kellhom imorru minn Malta – u għall-għarrieda – il-Pulizija tat-Taqsima ta’ Kontra d-Droga biex għamlu qabdiet ta’ droga.

Sadattant f’dawn il-jiem bdiet tkun ċelebrata l-festa tal-lokalità tax-Xagħra li preċiżament tilħaq il-qofol tagħha fi tmiem il-ġimgħa li ġejja.