Folol ta’ dilettanti tal-mużika tal-U2 spiċċaw diżappuntati meta kellu jitħassar kunċert ta’ dan il-grupp tar-Rock Irlandiż, minħabba li l-kantant, Bono, spiċċa jitlef leħnu.
Il-U2 kienu laħqu daqqew xi kanzunetti mir-ripertorju, f’Berlin, meta Bono, mal-ħin, talab apoloġija lill-udjenza u ammetta ‘li ma setax ikompli jkanta fiċ-ċirkustanzi’.
In-nies li kienu ħonqu l-Mercedes-Benz Arena kienu infurmati li l-kunċert kellu jieħu pawża qasira iżda, wara, ħarġet l-aħbar li l-avveniment kien tħassar.
Min-naħa tiegħu, Bono wiegħed li, ‘il quddiem, għandu jsir kunċert ieħor bħala ‘kumpens għad-disfatta’ ta’ tmiem il-ġimgħa. Intant, uħud mill-fans preżenti f’Berlin qablu li ‘il-leħen tal-kantant kien spiċċa affettwat mill-magni tad-duħħan’ fiċ-ċentru.
Stqarrija mill-grupp U2 qalet li ‘il-kunċert, sa dak il-ħin, kien sejjer tajjeb, iżda wara ftit kazunetti, Bono spiċċa jsofri qtugħ tal-leħen totali’. L-istqarrija kompliet li ħadd ma kien jaf eżatt x’ġara u li l-kantant, issa, qiegħed jimxi fuq il-pariri mediċi.
L-inċident bil-leħen ta’ Bono kellu jseħħ waqt it-tieni lejl tal-Experience + Innocence tour tal-U2 li kien fetaħ b’suċċess fl-istess arena (f’Berlin) matul il-lejl tal-Ġimgħa.
//= $special ?>

