Is-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Antonio Guterres, ikkundanna l-eskalazzjoni tal-vjolenza fi kapitali Libjana Tripli u l-madwar, filwaqt li appella biex il-partijiet kollha involuti jieqfu mal-ewwel mill-ġlied u jippermettu l-għajnuna umanitarja għal min hu fil-bżonn.
Guterres, permezz ta’ stqarrija, esprima allarm partikulari għall-bumbardamenti ‘indiskriminattivi’ mill-gruppi armati fi Tripli. Dawn il-bumbardamenti qegħdin iħallu kwantità sostanzjali ta’ ċivili mejtin u midruba, inklużi tfal. L-istqarrija kompliet li ‘l-użu ta’ forza mingħajr rispett għal ħadd jabbuża l-liġi umanitarja internazzjonali’, b’Guterres jesiġi l-ħtieġa li l-għajnuna tasal lil-Libjani li sfaw iżolati minħabba l-ġlied.
In-Nazzjonijiet Uniti qed titlob biex in-naħat Libjani kollha jirrispettaw il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied li kien sponsorjat mill-istess NU u l-Kumitati għar-Rikonċiljazzjoni.
L-Istati Uniti, ir-Renju Unit, Franza u l-Italja wkoll qed isejħu għal waqfien effettiv tal-vjolenza fi Tripli. Huma qalu ‘li mhumiex aċċettabbli l-attentati tal-gruppi armati biex idgħajjfu lill-awtoritajiet leġittimi tal-Libja u (anki) itellfu lill-proċess politiku attwali’.
Fl-aħħar jiem, inqatlu għexieren ta’ nies fost il-ġlied bejn il-milizzji armati fi Tripli. Dan meta l-grupp Human Rights Watch ikkundanna bla riservi l-fatt li numru ta’ tfal spiċċaw jitilfu ħajjithom fost il-battalji.
Minkejja l-preżenza ta’ Gvern appoġġjat min-NU fi Tripli, il-milizzji qegħdin jokkupaw bnadi kbar tal-Libja, bl-aħħar vjolenza fi Tripli tinqala’ ġimgħa ilu meta milizzji minn barra l-kapitali attakkaw zoni tal-belt u fejn imbagħad daħlu fl-azzjoni l-milizzji lokali li jappoġġjaw lill-Gvern Libjan li qiegħed igawdi għarfien internazzjonali.
//= $special ?>

