Lokali

In-nirien jikxfu l-ħabi tal-inċident simili sena u nofs ilu fl-impjant ta’ Wied il-Għajn

Kemm-il darba l-Gvern ma hux kapaċi jimmaniġġja dawn it-tip ta' impjanti, aħseb u ara kemm se jkun kapaċi jiġġestixxi l-inċineratur li jrid idaħħal wara l-elezzjoni ġenerali li jmiss

In-nirien kbar li nhar il-Ġimgħa filgħodu ddominaw l-impjant tal-Wasteserv fil-Magħtab jekk ma wasslu għal xejn, kienu deċiżivi biex illum nafu li l-Gvern ma tgħallem xejn mill-inċident simili ta’ sena u nofs ilu fl-impjant ta’ San’Antnin f’Wied il-Għajn.

Illum nafu li wara l-inċidenti ta’ sena u nofs ilu kienet saret Inkjesta Interna, ir-rapport ingħata lill-Gvern iżda din l-Inkjesta jidher li baqgħet biss sigrieta fil-kexxun tal-Ministru Josè Herrera.

Michael Brigulio, Soċjologu u Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista kif ukoll Ambjentalista, f’kummenti ma’ il-mument fisser li f’Mejju tas-sena l-oħra kien inħaraq l-impjant ta’ Sant’Antnin f’Wied il-Gvern u dakinhar il-Gvern kien wiegħed li kien se jagħmel inkjesta.

Dak kien inċident mill-aktar serju li kien seħħ ftit ġimgħat biss qabel l-elezzjoni ġenerali ta’ Ġunju 2017. Dwar dik l-inkjesta ma kien issemma’ xejn aktar u l-Ministru Josè Herrera qatt ma kien għamel xi tip ta’ aċċenn għar-rapport li kien ingħata.

Jirriżulta issa wara n-nirien ta’ nhar il-Ġimgħa li għadda, li fil-fatt il-Gvern kien ingħata rapport ta’ din l-inkjesta interna iżda għal xi raġuni l-Ministru Josè Herrera żamm kollox sigriet.

Michael Brigulio staqsa għaliex il-Ministru Josè Herrera għażel li jżomm dan ir-rapport importanti sigriet u talab li mill-aktar fis dan l-istess rapport ikun pubblikat?

Għalkemm dan hu rapport intern, tajjeb ukoll li wieħed jissuġġerixxi li f’każijiet bħal dawn isiru wkoll rapporti indipendenti minn terzi li ma jkollhom x’jaqsmu xejn mal-Wasteserv.

Mistoqsi dwar is-sitwazzjoni tal-ħaddiema fil-Wasteserv, Michael Brigulio qal li wara n-nirien tat-22 ta’ Mejju tas-sena l-oħra u qabel l-elezzjoni ġenerali tas-sena l-oħra, il-Gvern impjega mat-tmenin pesuna fl-impjant tal-Wasteserv. Minkejja li l-kumpliment fil-Wasteserv żdied b’dan il-mod qawwi, xorta waħda qed iseħħu dawn it-tip ta’ inċidenti mill-aktar serji.

Hu qal li minkejja ż-żieda fl-għadd ta’ ħaddiema, kollox jindika li l-affarijiet baqgħu sejrin minn ħażin għall-agħar.

Dwar il-kawża tal-inċident ta’ nhar il-Ġimgħa li għaddiet, Michael Brigulio qal li kollox jindika li n-nirien żviluppaw wara li kien hemm kombustjoni. Jidher ukoll li kien l-istess materjal involut fin-nirien tas-sena l-oħra li għal darba oħra reġa’ qabad.

Hu qal li fil-fehma tiegħu kemm-il darba l-Gvern ma hux kapaċi jimmaniġġja dawn it-tip ta’ impjanti, allura aħseb u ara kemm se jkun kapaċi jiġġestixxi l-inċineratur li jrid idaħħal minkejja l-oppożizzjoni tal-Kunsilli Lokali u l-għaqdiet ambjentali.

Tajjeb li wieħed japprezza li dan l-inċineratur li l-Gvern irid idaħħal se jkun qed jaħraq ukoll il-plastik li fih innifsu jikkawża emissjonijiet tossiċi li jagħmlu ħsara lil saħħet il-bniedem.

Mistoqsi dwar id-daħna kbira li iddominat diversi nħawi tal-gżejjer Maltin, Michael Brigulio qal li hu jistenna li dwar dan tinħareġ aktar informazzjoni mingħand il-Gvern. Tajjeb li wieħed japprezza li dik id-daħna kbira kienet kawżata minn ammont kbir ta’ skart u fiha nnifisha hi wkoll ta’ ħsara għal saħħet il-bniedem.