Internazzjonali

Is-Sirja tiċħad li splużjonijiet ġo ajruport kienu ‘attakki minn Iżrael’

Is-Sirja ċaħdet rapporti li sensiela ta’ splużjonijiet li seħħew fl-aħħar sigħat ġo ajruport militari fil-limiti ta’ Damasku kienu dovuti ‘għal attakki mill-qawwiet tal-ajru ta’ Iżrael’.

Sadanittant, l-aġenzija tal-aħbarijiet, SANA, ikkwotat sorsi militari Sirjani fis-sens li l-isplużjonijiet kbar li kienu rappurtati mill-ajruport ta’ Mezzeh ‘kienu ġejjin minn depot fejn kien qed jinżamm il-munizzjon’ — bil-każ, skont huma, jirriżulta minn difett f’sistema elettrika.

Il-qawwiet tal-ajru Iżraeljani, fil-passat, attakkaw diversi drabi lit-territorju Sirjan u, is-sena l-oħra, kienu akkużati b’konnessjoni ma’ attakk speċifiku fuq l-ajruport ta’ Mezzeh. Dan meta Iżrael jaħseb li l-ajruport inkwistjoni qed iservi wkoll bħala l-kwartieri għas-servizzi sigrieti mal-qawwa tal-ajru Sirjana.

Ftit wara l-isplużjonijiet, Rami Abdel Rahman, li jmexxi s-Syrian Observatory for Human Rights, ibbażat f’Londra, qal li l-ajruport ta’ Mezzeh ‘x’aktarx li kien intlaqat minn missila sparata mill-Iżraeljani fit-territorji tal-Golan’. Iżda s-sorsi militari Sirjani ċaħdu għal dan u insistew li ‘il-bażi ma kenitx il-mira ta’ aggressjoni Iżraeljana’.