Internazzjonali

Is-Somalja: Iċċedi skola f’Mogadishu wara attakk suwiċida

Aggressur suwiċida uża karozza pakkjata bl-isplussivi biex jattakka uffiċċju tal-Gvern fil-kapitali Mogadishu – u bl-isplużjoni sussegwenti twassal anki għall-kroll ta’ skola fil-viċin.

L-attakk fid-distrett ta’ Howlwadag sewa l-ħajja ta’ diversi suldati, b’madwar 20 – inklużi tfal – jisfaw midruba, uħud kritikament. Sar magħruf li fost il-midruba kien hemm ukoll il-viċi-kummissarju tad-distrett inkwistjoni, bil-vittmi jinkludu l-istudenti ta’ skola sekondarja.

L-isplużjoni, fl-istess ħin, ikkaġunat il-ħsarat lid-djar fl-inħawi filwaqt li anki tajjret is-saqaf ta’ moskea.

Aktar tard, il-militanti tal-grupp Al-Shabab assumew responsabbiltà għall-attakk, meta l-grupp tagħhom ilu jmexxi gwerra kontra l-Gvern għal akar minn għaxar snin.

Is-suldati li tilfu ħajjithom kienu qed jippruvaw iwaqqfu l-karozza-bomba milli tidħol fil-kumpless tal-Gvern u kienu rappurtati wkoll l-isparaturi mill-inħawi.

Il-militanti tal-Al-Shabab, fl-aħħar snin, tkeċċew minn ħafna zoni urbani tas-Somalja iżda xorta għadhom qed jikkontrollaw l-artijiet fir-reġjuni rurali tal-pajjiż. Dan waqt li huma baqgħu jwettqu l-attakki u l-isplużjonijiet kontra miri ċivili u militari fis-Somalja.

L-istess militanti, sadanittant, imponew versjoni stretta tal-liġi Xarja fiz-zoni li qegħdin jikkontrollaw, huma u jiġġieldu biex iwaqqgħu lill-Gvern Somalu.