L-aġenzija tal-Gvern kontra l-ħasil tal-flus, l-FIAU, ħarġet b’risposta ambigwa għall-diversi rapporti fil-media matul dawn l-aħħar jiem. Dawn ir-rapporti allegaw li l-FIAU kellha fil-pussess tagħha informazzjoni dwar il-kumpanija 17 Black – kumpanija misterjuża li hi marbuta ma’ każ suspettat ta’ ħasil ta’ flus minn żewġ uffiċjali għolja tal-Gvern – il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.
Kienet MEP mill-familja politika tal-Partit Laburista stess li allegat dan kollu, l-MEP Soċjalista Ana Gomes, fejn qalet li l-aġenzija ta’ kontra l-ħasil tal-flus fil-Latvja tat informazzjoni lill-FIAU f’Malta dwar min huma s-sidien tal-kumpanija, l-kontijiet, u t-transazzjonijiet li jinvolvu l-kumpanija 17 Black.
Fir-risposta lill-gazzetta The Sunday Times of Malta, l-FIAU qalet li jekk l-informazzjoni li tat l-MEP Portugiża Ana Gomes hija korretta, ikun ifisser li r-rapporti li l-FIAU ma għamlitx xogħolha jkunu ħżiena.
F’dak li ġie żvelat xhur ilu fl-iskandlu internazzjonali li tebba’ isem pajjiżna, l-Panama Papers, ġew ippubblikati emails li jixhdu kif 17 Black kienet waħda minn żewġ kumpaniji li kienet ippjanata li se tgħaddi miljuni ta’ flus liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi.
Kienet l-MEP Ana Gomes li żvelat li l-FIAU kienet ilha taf min hu s-sid tal-kumpanija 17 Black, bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia jgħid – permezz ta’ post fuq Twitter – li l-Gvern għandu minnufih jiċħad jew jikkonferma din l-informazzjoni, għax in-nies għandhom dritt ikunu jafu l-verità.
@MaltaGovt. Deny or confirm. People have a right to know. https://t.co/U2QrOCnnUR
— Adrian Delia (@adriandeliapn) September 1, 2018
Filfatt, l-aġenzija ta’ kontra l-ħasil tal-flus fil-Latvja ikkonfermat li aktar kmieni din is-sena, fi Frar, hi tat informazzjoni dwar il-kumpanija 17 Black lill-FIAU Maltija wara talba għall-għajnuna fl-investigazzjoni. Madanakollu, kelliema għall-FIAU f’Malta qal li ma jistax jikkonferma jekk ġietx skambjata informazzjoni dwar il-kumpanija misterjuża f’Dubaj hekk kif il-liġi ma tagħtix permess li din l-informazzjoni tiġi ppubblikata.
//= $special ?>