Lewis Hamilton kiseb rebħa prezzjuża fit-taqtigħa għar-rebħ tal-kampjonat meta spiċċa fl-ewwel post fil-Grand Prix ta’ Monza biex ħassar il-festi tal-pubbliku Taljan preżenti għal dan il-Grand Prix popolari.
Wara li ż-żewġ sewwieqa tal-Ferrari kisbu l-ewwel żewġ postijiet fil-provi uffiċjali tas-Sibt, kompliet tiżdied l-istennija ta’ rebħa għat-tim Taljan fiċ-ċirkwit ta’ pajjiżu. Iżda Lewis Hamilton kellu ħsibijiet oħra hekk kif ħa vantaġġ minn dwell li kellu fil-bidu ma’ Sebastian Vettel biex segwa lil Kimi Raikkonen tul it-tiġrija u tela’ fl-ewwel post ftit dawriet mit-tmiem.
Il-kuntatt bejn iż-żewġ sfidanti Sebastian Vettel u Lewis Hamiltn seħħ fit-tielet kantuniera fil-bidu tat-tiġrija, b’Vettel ikun l-agħar li mar hekk kif it-tnejn għamlu kuntatt bil-Ġermaniż jolqot il-karozza u spiċċat biex daret il-karozza, b’konsegwenza li kellu jidħol fil-pits u jibda mill-aħħar post.
Raikkonen deher li qed jassorbi l-pressjoni ta’ Hamilton u kien hu li daħal l-ewwel biex jibdel it-tyres, b’Mercedes jagħżlu li jħallu lil Hamilton tmien dawriet aktar. B’tyres aktar ġodda u t-tieni karozza tal-Mercedes misjuqa minn Valtteri Bottas għadha ma daħlitx għall-ewwel waqfa, Hamilton beda jagħlaq id-distakk ma’ Raikkonen, li kien għadda lil Hamilton meta l-Britanniku għamel il-waqfa.
Meta Bottas daħal fis-36 dawra, Raikkonen reġa’ kien jinsab fil-quċċata, iżda t-tyres tiegħu kellhom ftit problemi. Hamilton kompla jagħfas u qabeż lill-Finlandiż bi tmien dawriet għat-tmiem, biex spiċċa fetaħ vantaġġ komdu li kkontrolla t-tiġrija sat-tmiem. Din kienet il-ħames rebħa konsekuttiva ta’ Mercedes f’Monza, b’Hamilton isir l-ewwel sewwieq li jirbaħ minn wara l-ewwel filliera, minn meta Rubens Barrichello kien rebaħ fl-2009 wara li kien beda mill-ħames post.
Raikkonen daħal it-tieni biex kiseb il-100 podju fil-karriera, b’Verstappen jaqsam il-linja finali fit-tielet post, qabel ingħata penalità ta’ ħames sekondi u spiċċa biex klassifika l-ħames wara Valtteri Bottas u Sebastian Vettel. Dan wara li Verstappen u Bottas kellhom kuntatt ma’ xulxin fl-ewwel kantuniera.
Intant Romain Grosjean ġie skwalifikat mit-tiġrija wara li nstab li l-qiegħ tal-karozza tiegħu ma kienx konformi mar-regoli. B’hekk hu tilef is-sitt post li kiseb kif ukoll it-tmien punti li rebaħ.
Statistika
Raikkonen kien jinsab l-ewwel f’Monza għall-ewwel darba f’dan id-diċenju.
Il-podju ta’ Raikkonen kien il-100 wieħed fil-karriera u sar il-ħames sewwieq li għamel dan wara Alain Prost, Michael Schumacher, Lewis Hamilton u Sebastian Vettel.
Ferrari kienu fuq il-podju f’Monza għas-seba’ darba fl-aħħar tmien sin iżda ilhom ma jirbħu mill-2010.
Dik li dehret bħala problema fil-magna fisser li Daniel Ricciardi rtira għat-tielet darba fl-aħħar erba’ tiġrijiet.
Kif Spiċċaw
1. Lewis Hamilton (1:16:54.484), 2. Kimi Räikkönen (+8.705), 3. Valtteri Bottas (+14.066), 4. Sebastian Vettel (+16.151), 5. Max Verstappen (+18.208), Romain Grosjean (+56.320 Skwalifikat), 6. Esteban Ocon (+57.761), 7. Sergio Perez (+58.678), 8. Carlos Sainz (+78.140), 9. Lance Stroll (+dawra), 10. Sergey Sirotkin (+dawra), 11. Charles Leclerc (+dawra), 12. Stoffel Vandoorne (+dawra), 13. Nico Hulkenberg (+dawra), 14. Pierre Gasly (+dawra), 15. Marcus Ericsson (+dawra), 16. Kevin Magnussen (+dawra), Ma kklassifikawx: Daniel Ricciardo, Fernando Alonso, Brendon Hartley
//= $special ?>