Wara t-tielet ġurnata tal-kampjonat huma Juventus biss li rebħu t-tliet logħbiet tagħhom wara li Napoli u Spal sfaw megħluba barra minn darhom kontra Sampdoria u Torino rispettivament. Bid-draw ta’ Chievo u l-ewwel rebħa fil-kampjonat ta’ Lazio, it-timijiet kollha tal-anqas kisbu punt.
L-akbar sorpriża kienet dik ta’ Napoli li kienu maħsuda minn Sampdoria b’żewġ gowls fl-ewwel nofs siegħa tal-logħba. Atalanta wkoll sfaw megħluba minn Cagliari minkejja li kienu l-favoriti filwaqt li Fiorentina rebħu logħba oħra f’darhom.
BERGAMO – Atalanta naqsu li jirkupraw wara l-eliminazzjoni mill-Europa League meta sfaw megħluba f’darhom minn Cagliari 1-0. Il-gowl deċiżiv wasal qabel tmiem l-ewwel taqsima meta free-kick ta’ NICOLÒ BARELLA kien imxellef minn Mario Pasalic u qarraq bil-gowlkiper Berisha biex baqa’ dieħel fix-xibka.
VERONA – Chievo kisbu l-ewwel punt fil-kampjonat meta spiċċaw fi draw ta’ 0-0 kontra Empoli. L-ewwel taqsima ftit offriet emozzjonijiet iżda fit-tieni taqsima l-andament inbidel ftit. Chievo kellhom xutt fil-baxx ta’ Rigoni li ġie salvat u daqqa ta’ ras tal-attakkant Djordjevic għaddiet ftit barra.
Empoli kellhom xutt ta’ Capezzi li għadda ftit għoli u kienu kważi marru minn fuq meta xutt fil-baxx ta’ Acquah ġie salvat minn Sorrentino bil-ballun jaħbat ma’ Caputo u jidħol fix-xibka. Il-gowl kien imħassar għal offside permezz tal-VAR.
FIRENZE – Fiorentina komplew jibnu fuq ir-rebħa kbira li kellhom fuq Chievo meta għelbu lil Udinese 1-0, biex b’hekk baqgħu b’punti massimi miż-żewġ logħbiet li lagħbu. Kien MARCO BENASSI li ddeċieda l-konfront fit-73 minuta meta rċieva ballun intelliġenti ta’ Federico Chiesa u skorja b’xutt b’saħħtu fis-saqaf tax-xibka biex skorja t-tielet gowl fil-kampjonat.
RUMA – Wara żewġ telfiet kontra Napoli u Juventus, Lazio kisbu l-ewwel rebħa tal-kampjonat meta meritatament għelbu lil Frosinone 1-0. It-tim ta’ Simone Inzaghi ddomina l-partita u r-riżultat finali jqarraq dak li ħolqu Lazio.
Fl-ewwel taqsima Lazio kellhom diversi okkażjonijiet u kienu għoddhom marru minn fuq wara erba’ minuti permezz ta’ Milinkovic-Savic iżda l-gowl tħassar bil-VAR minħabba li kien offside. Huma kellhom okkażjonijiet Senad Lulic, Marco Parolo u Ciro Immobile, iżda kien fid-49 minuta li uma skorjaw dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa fid-49 minuta b’xutt fil-baxx ta’ LUIS ALBERTO wara li d-difiża biegħdet il-periklu parzjalment darbtejn.
GENOVA – Sampdoria wettqu l-akbar sorpriża tat-tielet ġurnata meta ġabu fix-xejn lil Napoli b’rebħa ta’ 3-0. Partita li fiha Sampdoria ħasdu lil Napoli b’żewġ gowls fl-ewwel taqsima. Il-kowċ ta’ Napoli Carlo Ancelotti prova jibdel xi ħaġa b’żewġ sostituzzjonijiet fit-tieni taqsima, iżda minkejja li kienu aħjar naqsu li jsibu x-xibka.
GREGOIRE DEFREL fetaħ l-iskor wara 11-il minuta meta f’kontrattakk tajjeb, id-difiża ta’ Napoli nqabdet fuq sieq waħda, bl-attakkant jiżmarka ruħu tajjeb u għeleb lil David Ospina b’xutt minn barra l-kaxxa. L-istess GREGOIRE DEFREL irdoppja fit-32 minuta b’xutt mill-kaxxa li kien imxellef minn Raul Albiol.
Fit-tieni taqsima Napoli kienu aktar offensivi iżda naqsu li jsibu x-xibka, b’Sampdoria jagħlqu l-logħba kwarta mit-tmiem meta minn kross mil-lemin, FABIO QUAGLIARELLA għeleb lil Ospina b’daqqa ta’ takkuna mill-isbaħ li spiċċat fir-rokna tax-xibka għal ġmiel ta’ gowl.
SASSUOLO – Sassuolo baqgħu mhux megħluba meta fil-Mapei Stadium għelbu lil Genoa 5-3 biex jinsabu waħedhom fit-tieni post b’seba’ punti.
KRZYSZTOF PIATEK poġġa lil Genoa fil-vantaġġ fis-27 minuta b’xutt djagonali fil-baxx iżda Sassuolo wettqu reazzjoni mill-aqwa. KEVIN PRINCE BOATENG ġab id-draw fl-34 minuta meta daħal waħdu fil-kaxxa u skorja b’xutt fil-baxx biex erba’ minuti wara POL LIROLA poġġa lil Sassuolo minn fuq meta daħal tajjeb minn rebound biex skorja b’xutt b’saħħtu minn tarf il-kaxxa ż-żgħira.
KHOUMA BABACAR għamilhom 3-1 fil-41 minua b’gowl ieħor minn rebound wara li rovexxjata ta’ Boateng kienet salvata parzjalment. Awto-gowl ta’ Nicolas Spolli eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima daħħal lil Sassuolo 4-1 minn fuq.
Sassuolo skorjaw il-ħames gowl fit-62 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ GIAN MARCO FERRARI minn korner mix-xellug. GORAN PANDEV naqqas id-distakk fis-70 minuta meta ħa vantaġġ minn żball fid-difiża ta’ Sassuolo u KRZYSZTOF PIATEK għamilhom 5-3 b’xutt minn pożizzjoni ċentrali fil-kaxxa.
TURIN – Torino kisbu l-ewwel rebħa fil-kampjonat b’rebħa ta’ 1-0 fuq Spal, b’dawn tal-aħħar isofru l-ewwel telfa fil-kampjonat wara li kienu rebħu l-ewwel żewġ logħbiet. Il-logħba ntemmet aktar tard milli mistenni wara li twaqqfet fit-18-il minuta minħabba l-maltemp.
Il-gowl li ta r-rebħa lit-tim ta’ Walter Mazzarri wasal fit-52 minuta meta minn korner mil-lemin kien NICOLAS N’KOULOU li għeleb lil Alfred Gomis b’daqqa ta’ ras.
//= $special ?>