Tressqu l-Qorti żewġ Sirjani u kienu akkużati b’reati relatati ma’ serq u ma’ ġlied ma’ Sirjani oħrajn.
Ir-reati seħħew fi tmiem Awwissu li għadda meta l-Pulizija investigat argument li żviluppa fi ġlieda li kienet seħħet fi Triq Isouard fil-Marsa.
Minn fuq il-pedana tax-xhieda l-Ispettur Spiridione Zammit fisser lill-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli kif dakinhar fil-post tal-ġlieda ntbagħtu unit mir-Rapid Intervention Unit (RIU) li sabu kif kien hemm numru ta’ Sirjani li kienu sgasaw bieb ta’ residenza u daħlu fiha fejn diġà kien hemm persuni Sirjani wkoll.
L-argument bejniethom kien eskala sal-punt li żviluppa fi ġlieda li fiha ntużaw ukoll xi skieken. F’dik il-ġlieda partikulari kienu weġġgħu żewġ Sirjani li kellhom jiddaħħlu l-Isptar Mater Dei biex jirċievu kura għall-ġrieħi li kellhom.
Simultanjament għal din is-sitwazzjoni, il-Pulizija daħlitilha informazzjoni ġdida dwar kif kien seħħ sgass ta’ residenza oħra, din id-darba fi Triq Sant’Antnin fil-Ħamrun u min din ir-residenza kienu nsterqu flus u xi oġġetti oħrajn.
Fi tmiem l-investigazzjonijiet li għamlet il-Pulizija dwar dan kollu, tressqu żewġ Sirjani l-Qorti u kienu akkużati kemm b’serq kif ukoll bi ġlied. Is-Sirjani wieġbu mhux ħatja iżda ma ngħatawx il-ħelsien mill-arrest.
//= $special ?>