Internazzjonali

Theresa May mhix lesta għal kompromessi dwar il-Brexit

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, insistiet li bl-ebda mod mhi se taċċetta tibdil radikali għall-pjan tagħha dwar il-Brexit waqt in-negozjati mal-Unjoni Ewropea. May, permezz ta’ artiklu fis-Sunday Telegraph, enfasizzat li ‘ħadd mhu se jisfurzaha taċċetta kompromessi’ għall-ftehim ta’ Chequers (li ntlaħaq f’Lulju) li ma jkunux ‘fl-interess nazzjonali’.

Sadanittant, il-Prim Ministru wissiet li ‘mgħandhiex iċċedi’ lil min qed isejjaħ għal tieni referendum dwar il-ftehim biex ir-Renju Unit jispiċċa bħala membru tal-UE, ‘għaliex dan ikun tradiment kbir għad-demokrazija u l-fiduċja tal-poplu’.

Skont il-ftehim ta’ Chequers, ir-Renju Unit għandu jaqbel dwar ‘regoli komuni’ mal-UE għall-kummerċ bil-prodotti, u biex ikun hemm ‘kummerċ mingħajr xkiel’ mal-fruntiera. Iżda l-kritiċi jgħidu li dan il-patt ‘iħalli lir-Renju Unit marbut mar-regoli tal-Unjoni’, bil-pajjiż, f’dan ix-xenarju, ma jkunx jista’ ifassal il-ftehim kummerċjali għalih, fil-futur.

Ir-Renju Unit għandu jispiċċa mill-UE fid-29 ta’ Marzu iżda għad irid jaqbel dwar kif tista’ taħdem ‘ir-relazzjoni finali tiegħu’ ma’ Brussell.

Il-UE issuġġeriet, intant, li ftehim ma jistax ikun finalizzat wara Novembru, b’Theresa May tikteb li ‘għalkemm ix-xhur li ġejjin se jkunu kruċjali għall-futur ta’ pajjiżha, hi għandha timxi fuq id-direzzjoni ċara biex tattwa d-deċiżjoni tal-poplu Britanniku’.

Filwaqt li fadal ħafna negozjati xi jsiru ma’ Brussell, May hi fiduċjuża li pajjiżha jilħaq ftehim tajjeb mal-Unjoni. Intant, il-Gvern Britanniku qed iħejji għal sitwazzjoni fejn ma jintlaħaqx ftehim ‘anki jekk dan għandu joħloq sfidi kbar għar-Renju Unit u l-Unjoni f’numru ta’ setturi’.