Lokali

Tliet ġimgħat ‘il bogħod: It-tħejjijiet għat-trasport tal-iskejjel għadhom mhux lesti

Il-Gvern għadu qed jitnikker fuq servizz li għad irid iniedi minkejja li ilu kważi sena li jaf li kellu jwettaq din il-wegħda

Clyde Puli, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista u Kelliem għall-Edukazzjoni, qal li filwaqt li jonqos biss tliet ġimgħat għall-ftuħ ta’ sena skolastika ġdida, qed jirriżulta li l-Gvern – minkejja l-ħafna ftaħir u wegħdi – għadu ma lestiex it-tħejjijiet dwar is-servizz ta’ trasport b’xejn għat-tfal kollha li jattendu skejjel tal-Istat tal-Knisja, tal-Privat u l-Kindergarten.

Meta mistoqsi mill-gazzetta il-mument dwar x’inhi s-sitwazzjoni attwali dwar dan is-servizz Clyde Puli fisser li fil-verità meta jonqos biss tliet ġimgħat għall-bidu ta’ sena skolastika ġdida, il-Gvern għadu ma lestiex it-tħejjijiet biex iwettaq il-wegħda – li kienu ressqu ż-żewġ partiti politiċi ewlenin fl-aħħar elezzjoni ġenerali – dik ta’ trasport għall-iskejjel kollha bla ħlas.

Hu kompla li din is-sistema mhux biss kienet imwiegħda kemm mill-Partit Laburista u mill-Partit Nazzjonalista imma wkoll kienet waħda li l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna tkellem fuqha waqt id-diskors tal-Baġit li kien ressaq is-sena l-oħra.

Żied li bl-arroganza kollha issa jiġi l-Prim Ministru Joseph Muscat u flok jagħti d-dettalji kif se taħdem din is-sistema, spiċċa kellu jwiegħed li jikkompensa n-nefqiet li jidħlu għalihom il-ġenituri.

Mistoqsi dwar it-tħassib tal-ġenituri dwar il-fatt li ma jafux kif se jkun qed jitħaddem dan is-servizz għaliex sa issa l-Gvern ma kkonsulta ma’ ħadd, Clyde Puli fisser li ma humiex biss il-ġenituri li jinsabu fil-għama, iżda anki l-amministraturi tal-iskejjel u l-operaturi tat-trasport li issa ilhom jistqarru bil-miftuħ mal-midja li jinsabu fl-għama mill-Gvern.

Hu kompla li din in-nuqqas ta’ konsultazzjoni u nuqqas ta’ pjan mill-Gvern meta tliet ġimgħat oħra tibda s-sena skolastika, qed ifisser li l-operaturi tat-trasport tal-iskejjel ma jistgħux jippjanaw għax il-Gvern qed joffrilhom biss ħabi u taħwid minflok trasparenza.

Clyde Puli żied li min-naħa tiegħu l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jixpruna lill-Gvern, biex minnufih jinforma b’mod ċar, fil-ħin u bi pjan lil kull min hu involut fis-sistema tat-trasport għall-iskejjel u ma jibqax jitnikker, jaħbi u ma jiddjalogax.