Kunsilli Lokali Lokali

Aktar xogħol mingħajr konsultazzjoni

Il-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard fi stqarrija irringrazzja lil kull min kien involut biex toroq bħal Triq il-Linja jingħataw it-tarmac mill-ġdid, iżda jemmen li għandha ssir konsultazzjoni bis-serjta’ meta jsiru dawn ix-xogħlijiet. Hekk qal il-Kunsill Lokali b’reazzjoni għall-proġett f’din it-triq partikolari.

“Li jsiru xogħolijiet ta’ tarmac fit-toroq huwa tajjeb, pero’ nemmnu li ċertu nkonvenjenzi setgħu ġew evitati li kieku l-Kunsill Lokali ġie kkonsultat minn qabel ma bdew ix-xogħolijiet rigward l-immaniġġjar tat-traffiku kif ukoll rigward l-andament tax-xogħol b’dati pjanati ta’ meta ser jiġu finalizzati ix-xogħolijiet.”

L-istqarrija tgħid illi fl-ebda ħin il-Kunsill wisq anqas ir-residenti ma ġew infurmati rigward l-andament tax-xogħol kif ukoll kif ser jiġi ddevjat it-traffiku.

Twaħħlu tabelli b’nuqqas ta’ ħsieb fejn qed jindikaw rotot ġodda għal vetturi li jwasslu għal toroq one way bil-konsegwenza li qed isibu karozzi ġejjin mid-direzzjoni opposta. Dan wassal għal chaos totali u periklu għas-sewwieqa li jkunu qed jgħaddu minn ġewwa Ħ’Attard.

Il-Kunsill kien diġa’ talab spjegazzjoni f’dan ir-rigward qabel ma nbeda x-xogħol iżda sfortunatament bqajna mingħajr konsultazzjoni li wasslet għal din is-sitwazzjoni inaċċettabbli.

Il-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard ħeġġeġ lil Transport Malta sabiex jagħmlu użu mill-istess uffiċċjali tat-traffiku tal-istess Awtorita’ f’diversi zoni fejn jistgħu jgħinu lit-traffiku jimxi aħjar b’inqas inkonvenjent.