Internazzjonali

Boris Johnson jemmen li l-pjan għall-Brexit iwassal għal ‘diżastru’

L-eks Segretarju Britanniku għall-Affarijiet Barranin, Boris Johnson, ikkritika bl-aħrax il-pjani tal-Prim Ministru tar-Renju Unit dwar il-Brexit. Skont Johnson, ir-Renju Unit ‘għandu jibqa’ b’idejh vojta’ jekk ikompli fuq din it-triq ( u wara n-negozjati ma’ Brussell), bl-Unjoni Ewropea tkun tista’ ‘tiddikjara rebħa’ wara l-proċess fit-tul.

Johnson kiteb, fid-Daily Telegraph, li l-ftehim ta’ Chequers li qed tippromwovi May għandu jfisser ‘diżastru għar-Renju Unit’.

Madankollu, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Downing Street, sostna li l-artiku ta’ Johnson ‘ma kien fihx ideat ġodda’u li ‘f’dawn iċ-ċirkostanzi, il-pajjiż jeħtieġ tmexxija serja li jimxi fuq pjan serju’.

L-aħħar żviluppi segwew il-kritika tan-negozjatur tal-Unjoni Ewropea, Michel Barnier, dwar il-proposti tar-Renju Unit. Intant, Johnson qed iwissi li f’każ li l-Gvern ta’ May ikompli fuq din it-triq, ‘se jispiċċaw jintremew il-parti kbira tal-vantaġġi tal-Brexit’.

Il-ftehim ta’ Chequers jesiġi biex ir-Renju Unit jirrispetta r-regoli komuni tal-UE għall-kummerċ li jżommu l-moviment ta’ prodotti mal-fruntiera. L-istess ftehim isegwi laqgħa, ġimgħat ilu, tal-Kabinett Britanniku fir-residenza (Chequers) ta’ May u għalissa jibqa’ ‘il-mod ippreferut tar-Renju Unit biex imexxi n-negozjati ma’ Brussell’.

Il-ftehim anki jtemm il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fir-Renju Unit, għalkemm din se tkompli bħala ‘l-interpretu tar-regoli tal-UE’ li r-Renju Unit qed taqbel biex tkompli tirrispettahom.