Lokali

Illum Bjorn se jagħmel operazzjoni iebsa

Adrian Delia b'messaġġ lil Bjorn Formosa

Bjorn Formosa, il-bniedem li rnexxielu jqajjem għarfien dwar il-marda tal-ALS f’pajjiżna, illum se jaffaċċja ġrunata iebsa ħafna – hekk kif fl-operazzjoni li għandu bżonn jagħmel, hu mhux se jkun jista’ jitkellem aktar – u hemm il-possibiltà wkoll li jibqa’ pparalizzat.

Ftit tal-ġimgħat ilu, Bjorn tkellem pubblikament dwar din l-operazzjoni iebsa fejn spjega li l-kundizzjoni ALS qed tipprogressa b’pass mgħaġġel – hekk kif dan l-aħħar kellu diffikultà biex jieħu nifs ukoll.

Bjorn se jkollu jagħmel din l-operazzjoni, inkella ma’ jdumx ma jitlef ħajtu. Għalhekk, Bjorn hu determinat li jibqa’ jissiliet sabiex ikompli jaħdem u jirsisti dak li bena fl-aħħar xhur fil-fondazzjoni li fetaħ hu stess – Il-Fondazzjoni ALS Malta. ALS Malta imbarkat fuq proġett fejn irnexxielha tiftaħ Dar Bjorn – u issa kien imiss li tikber il-mira, u għalhekk ġie organizzat kunċert fi Pjazza San Ġorġ ilbieraħ biex issir it-tieni Dar li fiha tilqa’ pazjenti li jbatu mill-kundizzjoni ALS jew mard newroloġiku ieħor.

Dalgħodu, il-Kap tal-PN Adrian Delia appella sabiex inżommu lil Bjorn fit-talb tagħna, hekk kif din se tkun operazzjoni importanti ħafna għalih.

Persuna li ħadmet qtigħ biex tippromwovi l-ħidma ta’ Bjorn u l-Fondazzjoni ALS hi l-Avukat Nickie Vella de Fremeaux, li apparti li hija habiba tal-qalb ta’ Bjorn u martu Maria, hi wkoll l-Avukat li tirrapprezenta lill-Fondazzjoni ALS Malta.

F’post fuq Facebook, Nickie Vella de Fremeaux tkellmet dwar ir-relazzjoni tagħha mal-koppja Formosa waqt li ddeskriviet lil Bjorn bħala bniedem kuraġġuż, b’qalb soda, u reżiljenti. Nickie Vella de Fremeaux awgurat lil Bjorn u lil mara tiegħu Maria għal dak li rnexxielhom jiksbu, u żiedet li kemm ilha taħdem magħhom bniet relazzjoni li se tibqa’ tgħożż għal dejjem.