Internazzjonali

Il-kriżi tal-immigranti: Kiber l-element qattiel tal-vjaġġi mill-Mediterran

L-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati – il-UNHCR — qalet li l-immigranti u refuġjati li qed jaqsmu mill-Mediterran lejn l-Ewropa qegħdin jiffaċċjaw periklu akbar ‘u potenzjal qattiel aktar qawwi’ milli kien il-każ ma’ immigranti oħrajn, fil-passat.

Ir-rapport mill-UNHCR tenna li filwaqt li naqsu sew l-ammonti tal-immigranti li qegħdin jaslu l-Ewropa, hu minnu li kiber b’mod sinifikanti n-numru tal-imwiet fost dawk li qegħdin jagħmlu dawn il-vjaġġi. L-istess rapport jinnota wkoll li t-traffikanti tal-bnedmin ( mill-Mediterran) qegħdin ikollhom jieħdu sogru akbar, minħabba l-element akbar ta’ sorveljanza mill-gwardjani tal-kosta Libjani.

S’issa, din is-sena, mietu ‘il fuq minn 1,600 persuna li ppruvaw jaqsmu mill-Mediterran lejn l-Ewropa.Fil-fatt, ir-rapport qal li ‘persuna mietet jew ma dehrietx aktar għal kull 18 il-persuna li qasmu miċ-ċentru tal-Mediterran lejn l-Ewropa bejn Jannar u Lulju li għadda – b’din iċ-ċifra trid titqabbel mal-mewta waħda għal kull 42 immigrant li kienu qasmu l-baħar fl-istess perjodu, fl-2017’.

Il-UNHCR kompliet li seba’ minn dawn l-inċidenti seħħew minn Ġunju li għadda ‘il hawn.

Fl-istess ħin, l-aġenzija qed ittenni li, filwaqt li qed jonqsu l-immigranti li qegħdin jaqsmu mill-Mediterran, l-Ewropa għandha tikkonċentra anqas ‘fuq il-kunċett tan-numri’ u, minflok, timpenja ruħha bis-sħiħ biex issalva l-ħajja tal-immigranti.