Lokali Qorti

Il-kumpilazzjoni tiffoka fuq id-dgħajsa li intużat minn wieħed mis-suspettati

Id-dgħajsa 'Maya' hi reġistrata fuq Alfred Degiorgio

Mumenti ta’ tensjoni fl-awla tal-Qorti hekk kif dalgħodu, quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit kompliet il-kumpilazzjoni l-kumpilazzjoni dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan wara li wieħed mill-avukati beda joġġezzjona fuq il-filmati li juru d-dgħajsa li allegatament intużat biex minn fuqha intbgħat l-sms li sploda l-bomba.

L-avukat difensur William Cuschieri insista li l-analiżi dwar id-dgħajsa ‘Maya’ mhux qed issir minn espert. “Dan ix-xhud mhux kompetenti”, qal l-avukat Cuschieri.

F’ħin minnhom is-sitwazzjoni tant eskalat li l-Maġistrat kellha tissospendi u tqabbad żewġ esperti oħra sabiex jiġi analizzat l-isem li jidher fuq id-dgħajsa li tidher f’dawn il-filmati. L-ispettru Keith Arnaud minn naħa tiegħu insista li l-isem fuq id-dgħajsa hu “ċar kristall”.

It-tliet persuni akkużati bil-qtil ta’ Caruana Galizia huma Alfred Degiorgio magħruf bħala “il-Fulu”, ħuh George Degiorgio “ċ-Ċiniż” u Vince Muscat “il-Koħħu”.