L-Edukazzjoni għandha tibqa’ waħda mill-pilastri ewlenin fil-prijoritajiet tagħna għax irridu naraw li intom tirnexxu lkoll.
Dan qalu s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista u Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Clyde Puli, li kien fost il-kelliema ewlenin f’laqgħa speċjali li nżammet fil-bini tal-Parlament.
Din l-attività, li fiha pparteċipaw għadd ta’ Deputati oħra miż-żewġ naħat tal-Kamra, saret fuq inizjattiva ta’ diversi ċentri li jorganizzaw SkolaSajf. Minbarra diskussjoni, fl-attività ttellgħet ukoll reċta ppreparata mill-istudenti fl-Iskola ta’ Ħal Qormi.
Clyde Puli kompla li hu importanti li biex it-tfal jirnexxu, jingħataw edukazzjoni li tiftaħ l-imħuħ u mhux li timla’ l-imħuħ … edukazzjoni ħolistika li tagħmel minn uliedna ċittadini tajbin ħalli jifhmu d-drittijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom.
Min-naħa tiegħu, il-Whip tal-Oppożizzjoni u Kelliem għall-Fondi Ewropej Robert Cutajar fakkar kif id-deċiżjoni li ħa l-poplu Malti u Għawdxi fl-2003 biex pajjiżna ssieħeb fl-Unjoni Ewropea ttieħdet ukoll biex igawdu t-tfal preżenti għall-attività, minkejja li dawn kienu lanqas biss twieldu.
Cutajar kompla li fis-snin tas-sħubija, pajjiżna mmassimizza mill-frott li toffri l-Unjoni Ewropea, filwaqt li għandna nkomplu nagħmlu dan fil-futur. Hu appella lit-tfal preżenti biex jinfurmaw ruħhom aktar kif jistgħu jgawdu mill-fatt li huma parti minn popolazzjoni ta’ 500 miljun.
Il-Whip tal-Oppożizzjoni qal li t-tfal tal-lum għandhom jinteressaw ruħhom fid-deċiżjonijiet li jittieħdu għax dawn jafu jaffettwaw il-futur tagħhom ukoll.
Min-naħa tagħhom, it-tfal preżenti pparteċipaw f’diskussjoni ma’ għadd ta’ Deputati, fosthom il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius u d-Deputati Claudio Grech u Kristy Debono. Fid-diskussjoni kienu trattati temi bħall-Ambjent, il-Bit Coin, il-Bullying, l-Edukazzjoni u Malta fl-Unjoni Ewropea.
Ħadu sehem ukoll l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia, Uffiċjali tal-EUPA u Uffiċjali tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi (FES).
//= $special ?>