Lokali

Jingħata l-Aħħar Tislima l-artist Renzo Gauci

Jekk f’għajnejn id-dinja tilef il-battalja, fil-fidi Renzo rebaħ il-Ħajja ta’ Dejjem … bħalma Ġesù deher li tilef il-ġlieda mal-mewt iżda mbagħad rebaħ ftit wara. Illum qed insellmu persuna li jekk kont tmur ħdejh b’fidi batuta, kien jara kif jagħmel biex iqawwihielek.

Hekk qal Dun Albert Buhagiar, Qassis minn Ħal Tarxien u li kien ħabib ta’ Renzo Gauci, artist popolari li għamel ħafna xogħolijiet f’diversi Knejjes u rħula madwar Malta u Għawdex. Hu ngħata l-Aħħar Tislima t-Tnejn waranofsinhar, fil-Knisja Arċipretali ta’ Ħal Tarxien.

Dun Albert qal li sa minn meta kien għadu tfajjel, jiftakar lil Renzo b’moħħu fl-arti … ipinġi jew jiskolpixxi. Iben denju ta’ Ħal Tarxien, Renzo dejjem ħabb raħal twelidu u għamel diversi xogħolijiet fil-Knisja Arċipretali, fil-Każini tal-Baned u anke madwar il-lokalità.

Hu baqa’ jaħdem fil-Parroċċa sal-aħħar, tant li l-aħħar xogħol tiegħu jinsab mal-koppla – sett anġli li għadhom mgħottija u li ma kellux iċ-ċans jarahom jitgawdew mit-Tarxiniżi.

Dun Albert kompla li Renzo dejjem emmen li, minkejja l-isfidi ta’ saħħa li kien għaddej minnhom, Alla kien qrib tiegħu. Tant li dejjem kien itemm talbu bil-frażi “Tkun magħmula r-rieda tiegħeK”.

Bħalissa qed jara wiċċ Ġesù, il-Madonna, il-Qaddisin u l-Anġli b’wiċċhom vera … u mhux aktar tal-kartapesta u tat-tafal. Hu segwa t-tagħlim tal-Vanġelu u uża t-Talenti kollha li Alla tah għax kien imżejjen b’ħafna għerf u talenti, li għaddihom lill-oħrajn, anke b’pariri li kien jagħti.

Dun Albert sellem lil mart Renzo u lil uliedhom, li għalkemm missierhom illum mhux se jibqa’ aktar fiżikament magħhom, hu se jibqa’ magħhom f’qalbhom u f’moħħhom. Renzo dejjem emmen li l-ħbieb għandek iżżommhom qrib tiegħek u għalhekk, issa, Alla se jżommu qrib tiegħU.

Fi tmiem l-Omelija, ċapċipa kbira dwiet mal-Knisja Arċipretali kollha, hekk kif Dun Albert għalaq bil-frażi “Grazzi Renzo”.

Fil-bidu taċ-ċelebrazzjoni, l-Arċipriet Dun Chris Ellul qal li matul ħajtu, Renzo rrifletta s-sabiħ tal-ħajja bix-xogħol ta’ jdejh. Qal li hu ta ħajtu għall-oħrajn, fix-xogħol tiegħu, li bih faħħar lil Alla.

Mal-wasla fil-Knisja, Renzo kien akkumpanjat minn korteo, immexxi mill-Arċipriet u bis-sehem tal-ħames Fratellanzi tal-Parroċċa. U fi tmiem iċ-ċelebrazzjoni, il-Banda Maria Annunzjata ta’ Ħal Tarxien wasslitu saċ-Ċimiterju tal-lokal, fejn imbagħad, Renzo kellu difna privata fil-Qabar tal-Familja.