Lokali

Jinkixef uffiċjal fis-Segretarjat ta’ Silvio Parnis

Joe Borg, uffiċjal fis-Segretarjat Parlamentari ta’ Silvio Parnis, intbagħat b’missjoni speċifika fit-Tribunal taż-Żejtun bl-iskop li jiddefendi persuna minn kontravenzjoni maħruġa fil-konfront tagħha.

Żvelat dan il-gazzetta In-Nazzjon f’rapport li fih tat dettalji dwar dan il-każ abbużiv quddiem it-Tribunal taż-Żejtun.

In-Nazzjon irrapportat li dan il-każ seħħ fil-25 ta’ Lulju li għadda meta Joe Borg ippreżenta lilu nnifsu fl-Awla tat-Tribunal taż-Żejtun u stqarr li kien intbagħat hemmhekk mis-Segretarjat Parlamentari ta’ Silvio Parnis bl-iskop li jiddefendi lil waħda mara li kienet akkużata bi ksur tar-regolamenti tat-traffiku.

Ir-rapport ikompli jsemmi kif saret stqarrija mill-Ispettur tal-Pulizija Marius Bugeja li qal li kif daħlet fl-Awla, il-mara konċernata kienet akkumpanjata mill-uffiċjal Borg li jaħdem fis-Segretarjat ta’ Silvio Parnis, liema uffiċjal talab li jixhed.

Jingħad ukoll li waqt li kien qed jixhed, Borg qal li l-kontravenzjonijiet li kienu ħarġu l-kollegi tal-Ispettur f’dan il-każ partikolari ma kienux vijabbli. U kien hawn fejn dan l-Uffiċjal ta’ Silvio Parnis qal li fil-post fejn inħarġet iċ-ċitazzjoni, ma kellux isir infurzar.

Iżda għal din l-istqarrija, l-Ispettur qal fl-istqarrija li għamel li kien oġġezzjona peress li d-dikjarazzjonijiet ta’ Borg ma kienux minnhom.

Fl-istqarrija tiegħu, l-Ispettur qal li kien qed jagħmel din l-istqarrija minħabba l-fatt li fil-fehma tiegħu mhux aċċettabbli li persuna mqabbda mill-Gvern u li suppost titkellem f’isem l-Uffiċjali tal-Komunità, titla’ tikkontesta irregolaritajiet fit-triq u twaqqa’ l-kelma ta’ Uffiċjali oħra tal-Komunità li għamlu xogħlhom tajjeb.