Lokali

“L-Avukat Ġenerali baqa’ jipprova jtawwal il-proċeduri biex ma jagħtix l-inkjesta sħiħa” – il-PN

L-Avukat Ġenerali Peter Grech

Fil-Qorti l-Avukat Ġenerali pprova jtawwal il-proċeduri sabiex jibqa’ ma jagħtix l-inkjesta sħiħa tal-Maġistrat Aaron Bugeja lill-Kap tal-Oppożizzjoni. Din hija turija oħra kif l-Avukat Ġenerali qed ikompli jiżbilanċja ruħu aktar favur il-Gvern, u ried li din il-kawża tittawwal u ddum inutilment.

Qal dan il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija wara li fil-Qorti beda jinstema l-każ miftuħ mill-Kap tal-Oppożizzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Qorti laqgħet it-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li għandha tinstema’ b’mod sħiħ il-kawża dwar ir-rikors Kostituzzjonali, li hu għamel kontra l-Avukat Ġenerali sabiex jingħata kopja sħiħa tal-inkjesta. Dan metal-Avukat Ġenerali ma riedx li l-Qorti tiddeċiedi b’urġenza dan ir-rikors u ried jostakola l-mod kif il-Kap tal-Oppożizzjoni jeżerċita dmirijietu skont il-liġi.

L-Avukat Ġenerali qed jostakola wkoll il-mod kif il-Kap tal-Oppożizzjoni jeżerċita dmirijietu skont il-liġi, meta n-nuqqas ta’ aċċess għar-rapport sħiħ qed isir bi ksur tad-dritt tal-Kap tal-Oppożizzjoni li jirċievi u jingħata aċċess għall-informazzjoni skont il-kariga li jokkupa bil-Kostituzzjoni. Dan filwaqt li kien qed joħloq żbilanċ politiku serju bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni meta l-Prim Ministru u Kap tal-Partit Laburista għandu kopja sħiħa tal-inkjesta filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista m’għandux.