Futbol Sport

Ronaldo jsir is-sid ta’ Real Valladolid

(Ritratt: EPA)
Real Valladolid jinsabu fis-16-il post f'La Liga

L-eks attakkant internazzjonali Brażiljan Ronaldo sar is-sid tal-klabb Spanjol Real Valladolid wara li xtara l-51% tal-klabb €30.3 miljuni. Minkejja li issa għandu l-akbar ishma, id-darbtejn rebbieħ tal-Ballun tad-Deheb se jieħu l-irwol ta’ President tal-Bord tad-Diretturi, bil-President attwali Caros Suàrez se jibqa’ fil-kariga.

Din l-aħbar tfisser li Ronaldo hu l-ewwel eks plejer tal-futbol li se jsir is-sid ta’ klabb Ewropew tal-ogħla diviżjoni. Fl-ewwel kummenti tiegħu, Ronaldo qal li jridu jibnu l-aħjar tim possibbli biex jikkompeti fil-kampjonat u qal li jrid jagħmel ċert li Real Valladolid jżommu posthom f’La Liga.

Il-President tal-klabb Carlos Suàrez laqa’ lil Ronaldo fil-klabb u qal li l-wasla tiegħu tpoġġi lil Real Valladolid fuq il-mappa b’konsegwenza li jkun hemm qabża fil-kwalità.

Real Valladolid bħalissa jinsabu fis-16-il post fil-kampjonat b’żewġ punti minn tliet logħbiet. Wara l-waqfa internazzjonali, huma se jkunu qed ifittxu l-ewwel rebħa tal-istaġun b’konfront kontra Deportivo Alaves.