Cristiano Ronaldo, Luka Modric u Mohamed Salah huma l-finalisti tal-unur tal-Aqwa Plejer tal-FIFA. Il-ħames darbiet rebbieħ tal-Ballun tad-Deheb Lionel Messi naqas li jagħmilha mat-tliet finalisti.
Ronaldo rebbieħ tal-2016 u l-2017 rebaħ il-UEFA Champions League għall-ħames darba ma’ Real Madrid f’Mejju, qabel ħalla lit-tim Madrilen biex ingħaqad ma’ Juventus għal €117-il miljun.
Minbarra li rebaħ iċ-Champions League, il-midfielder ta’ Real Madrid Luka Modric wasal sal-finali tat-Tazza tad-Dinja. L-attakkant tal-Eġittu Mohamed Salah skorja 44 gowl hekk kif Liverpool waslu sal-finali taċ-Champions League. Il-ġimgħa l-oħra, Modric għeleb lil Ronaldo u Salah biex rebaħ il-Plejer tas-Sena tal-UEFA.
Għall-unur tal-Aqwa Kowċ tas-Sena l-finalisti huma Didier Deschamps, Zlatko Dalic u Zinedine Zidane. Deschamps mexxa lil Franza għar-rebħ tat-Tazza tad-Dinja filwaqt li Dalic wassal lit-tim Kroat sal-finali tal-istess kompetizzjoni. Zinedine Zidane wassal lil Real Madrid għar-rebħ tat-tielet Champions League konsekuttiva.
Dawn l-unuri huma separati mill-Ballun tad-Deheb wara li l-FIFA temmet l-assoċjazzjoni tagħha ma’ dan l-unur fl-2016. Ġurija ta’ leġġendi u esperti tal-FIFA għażlu 10 persuni għal kull unur filwaqt li ġurija oħra magħmula minn captains tat-timijiet nazzjonali, kowċis u ġurnalisti magħżula flimkien mal-partitarji jagħżlu r-rebbieħ, b’kull grupp jammonta għal 25% tal-vot.
Ir-rovexxjati ta’ Ronaldo kontra Juventus u Gareth Bale kontra Liverpool fiċ-Champions League huma fost l-għaxar finalisti tal-Puskas award għall-aqwa gowl, unur li jkun ivvutat mill-partitarji. Ir-rebbieħa jitħabbru fl-24 ta’ Settembru fir-Royal Festival Hall f’Londra.
L-Aqwa Plejer tal-FIFA tal-irġiel
Cristiano Ronaldo – Juventus u Portugall
Luka Modric – Real Madrid u Kroazja
Mohamed Salah – Liverpool u Eġittu
L-Aqwa Plejer tal-FIFA tan-nisa
Ada Hegerberg – Lyon u Norveġja
Dzsenifer Marozsan – Lyon u Ġermanja
Marta – Orlando Pride u Brażil
L-Aqwa Kowċ tal-FIFA tal-irġiel
Zlatko Dalic – Kroazja
Didier Deschamps – Franza
Zinedine Zidane – eks Real Madrid
L-Aqwa Kowċ tal-FIFA tan-nisa
Reynald Pedros – Lyon
Asako Takakura – Ġappun
Sarina Wiegman – Olanda
L-Aqwa Gowlkiper tal-FIFA tal-irġiel
Thibaut Courtois – Real Madrid u Belġju
Hugo Lloris – Tottenham u Franza
Kasper Schmeichel – Leicester u Danimarka
Puskas Award
Gareth Bale (Real Madrid) v Liverpool
Denis Cheryshev (Russja) v Kroazja
Lazaros Christodoulopoulos (AEK) v Olympiacos
Giorgian De Arrascaeta (Cruzeiro) -v America MG
Riley McGree (Newcastle Jets) v Melbourne City
Lionel Messi (Arġentina) v Niġerja
Benjamin Pavard (Franza) v Arġentina
Ricardo Quaresma (Portugall) v Iran
Cristiano Ronaldo (Real Madrid ) v Juventus
Mohamed Salah (Liverpool) v Everton
Fan Award
Sebastian Carrera (Deportes Puerto Montt, Chile)
Partitarji tal-Perù
Partitarji tal-Ġappun u s-Senegal
//= $special ?>