Serena Williams tħabtet iżda għelbet lil Kaia Kanepi 6-0, 4-6, 6-3 biex għaddiet mal-aħħar tmienja tal-Open tal-Istati Uniti. Mill-ewwel 10 tennisti seeded fid-dinja fadal biss żewġ tennisti u waħda mill-ewwel sitta wara li Elina Svitolina kienet eliminata minn Anastasija Sevastova.
Is-Sibt Angelique Kerber, Petra Kvitova u Caroline Garcia ngħaqdu ma’ Simona Halep u Caroline Wozniacki li kienu eliminati qabel l-ewwel ġimgħa.
Williams jista’ jkun li hi s-sid numru 17 iżda qed taħdem biex tirritorna mal-aqwa wara li kienet welldet is-sena l-oħra. Hi sabitha diffiċli iżda baqgħet tissielet biex ħarġet rebbieħa u kompliet il-mixja tagħha biex tipprova tirbaħ l-24 Grand Slam fil-karriera tagħha li bih tilħaq ir-rekord ta’ kull żmien ta’ Margaret Court.
Il-finalista tas-sena l-oħra Madison Keys għaddiet ukoll mal-aħħar tmienja wara li għelbet lis-sid numru 29 Dominika Cibulkova 6-1, 6-3. L-Amerikana kisret darbtejn is-service fl-ewwel set u għal darba oħra fit-tieni set. Hi ħarġet rebbieħa f’siegħa u 16-il minuta u taffronta r-rebbieħa bejn Maria Sharapova u Carla Suarez Navarro.
Ir-rebbieħa tas-sena l-oħra Sloane Stephens rebħet fi straight sets kontra l-Belġjana Elise Mertens. Hi rebħet 6-3, 6-3 fi Flushing Meadows. It-tennista ta’ 25 sena hi l-aktar tennista b’ranking għoli u taffronta lil Anastasija Sevastova fil-kwarti tal-finali.
//= $special ?>