Ix-xandar pubbliku ta’ Iżrael talab apoloġija lis-semmiegħa tiegħu wara li l-mużika tal-kompożitur Ġermaniż, Richard Wagner, indaqqet fuq ir-radju.
Wagner, kompożitur li kien jgħix fis-seklu dsatax, jibqa’ personalità kontroversjali mal-Iżraeljani minħabba l-fehmiet sodi anti-Semitiċi li kellu, kif ukoll għall-fatt li l-eksdittatur Nażista Adolf Hitler – l-ixprun wara l-qerda tal-Lhud fit-Tieni Gwerra – kien dilettant kbir tal-mużika tiegħu.
Intant, stazzjon Iżraeljan li jispeċjalizza fil-mużika klassika spiċċa jddoqq silta mill-famuż Gotterdammerung ta’ Wagner – bix-xandar pubbliku, imbagħad, jiżvela ‘li kien sar żball fl-għażla artistika tal-persuna responsabbli u li l-mużika ta’ Wagner ma kellhiex tindaqq aktar’.
Il-Korporazzjoni tax-Xandir Pubbliku f’Iżrael sostniet, sadattant, li ‘tirrikonoxxi s-sens tal-uġigħ u dispjaċir li mużika bħal din għandha tqanqal fost l-Iżraeljani anzjani li salvaw mill-Olokawst u l-persekuzzjoni tan-Nażisti fit-Tieni Gwerra’.
Ix-xogħlijiet ta’ Wagner jinkludu fehmiet dwar il-purezza tar-razza, bil-kompożitur Ġermaniż ikun anki l-awtur ta’ dokument dwar ‘il-Ġudaiżmu fil-mużika’ – fejn kien sostna li ‘il-Lhudi mhux kapaċi biex jesprimi ruħu b’mod artistiku’.
Filwaqt li l-mużika ta’ Wagner mhix projbita mija fil-mija f’Iżrael, din ma tindaqqx bħala regola minħabba li l-poplu, fil-parti kbira, jopponi għaliha.
//= $special ?>

