Tħabbret il-mewt tal-fundatur tal-Malta Amateur Wreslting Federation Simon Bonello fl-età ta’ 85 sena. Bonello li twieled il-Furjana, kien il-persuna li daħħal il-lotta f’pajjiżna fl-1967 u sentejn wara waqqaf il-Federazzjoni li tagħha kien għadu President.
Minbarra l-Lotta, fis-snin 70 kien serva bħala President tal-Federazzjoni tal-Weightlifting, l-Assoċjazzjoni tal-Bodybuilding u l-Federazzjoni taċ-Chess. Għal diversi snin kien membru fl-Eżekuttiv tal-Kumitat Olimpiku Malti bħala Viċi President u Direttur tas-Settur taż-Żgħażagħ. Hu kien ukoll membru tal-Għaqda Ġurnalisti Sports magħrufa dak iż-żmien bħala Għaqda Kittieba Sport, fejn kien Viċi President.
L-aktar sport li kkontribwixxa għalih fil-qasam tal-ġurnaliżmu sportiv kien it-tiġrijiet taż-żwiemel fejn għal 15-il sena kien jikkumenta mill-Marsa għal Radio 101. Hu kien jikteb artikli fuq il-gazzetti The Times u In-Nazzjon, b’aġġornamenti fuq Net Television u saħansitra kellu programm fuq Sports Channel bl-isem ta’ Sulky.
Bonello kien bniedem sportiv fejn kien jilgħab il-cricket mal-Furjana kif ukoll it-table tennis u ċ-chess, tant li kien ħames darbiet finalist fl-Isportivi Nazzjonali.
Il-funeral se jsir l-Erbgħa fit-3.00pm fil-Parroċċa ta’ San Publju fil-Furjana.
//= $special ?>