Lokali Qorti

“Tort ta’ Transport Malta”

Il-Kumpanija City Sightseeing Malta Ltd ressqet protest ġudizzjarju fejn qed iżżomm lil Transport Malta responsabbli għall-inċident fatali li kien seħħ fiż-Żurrieq.

Raġel Belġjan ta’ 62 sena u mara Spanjola ta’ 37 sena tilfu ħajjithom meta kowċ miftuħa tal-kumpanija Sightseeing Malta Ltd ħabtet ma’ siġra. 50 passiġġier kienu sofrew ġrieħi fl-inċident.

Il-Protest jgħid li Transport Malta naqset milli tonora l-obbligi tagħha kemm taħt il-liġi Maltija kif ukoll taħt il-liġi Ewropea. Il-Protest ikompli li Transport Malta naqset milli tagħmel spezzjonijiet regolari tas-sigurta’ tar-rotot liċenzjati minnha stess.

City Sightseeing Malta rreferiet ukoll għal regolamenti dwar l-għoli ta’ siġar fuq toroq li jkunu wżati minn kowċis double-decker. Il-kumpanija qalet li kawża tal-inċident hi sofriet danni attwali u danni għar-reputazzjoni tagħha, liema danni qed iżomm lil Transport Malta responsabbli għalihom.

Il-Protest kien iffirmat mill-Avukat Alessia Zammit McKeon.