Ftit wara li kkonfermaw li Stoffel Vandoorne mhux se jibqa’ mal-klabb fl-2019, McLaren ħabbru li ż-żagħżugħ promettenti Lando Norris se jkun qed jagħmel id-debutt fil-Formula 1 s-sena d-dieħla bħala sewwieq tagħhom.
Norris li għad għandu 18-il sena, bħalissa jinsab fit-tieni post fil-kampjonat tal-Formula 2. Il-Britanniku ngħaqad mal-Programm tas-Sewwieqa Żgħażagħ ta’ McLaren fl-2017 u saħansitra għamel xi testijiet bil-karozza waqt it-testijiet li saru fl-Ungerija f’dan is-sajf, kif ukoll tellaq fi tmiem il-ġimgħa ta’ Grand Prix meta saq fl-ewwel sessjoni ta’ prattika fi Spa u f’Monza.
Din id-deċiżjoni tfisser li McLaren se jkollhom sewwieqa ġodda għall-istaġun li ġej wara li ftit ilu tħabbar li Carlos Sainz iffirma mat-tim Ingliż wara li Fernando Alonso kien ħabbar li se jirtira mill-isport wara 17-il sena fil-Formula 1.
F’dan l-istaġun Vandoorne naqas li jgħaddi lil sieħbu Fernando Alonso fil-provi uffiċjali u fi tmien darbiet kien eliminat fl-ewwel fażi. Hu kiseb tmien punti f’dan il-kampjonat kontra l-44 punt li kiseb Alonso. L-aħjar riżultat tiegħu f’dan l-istaġun kien it-tmien post fil-Bahrain.
McLaren iffirmaw lil Vandoorne fl-2013 fil-programm ta’ sewwieqa żgħażagħ. Hu għamel id-debutt fil-Formula 1 fil-Grand Prix ta’ Bahrain fl-2016 bħala sostitut temporanju ta’ Alonso u kien għeleb lil Jenson Button fil-kwalifiki qabel ma kiseb l-10 post fit-tiġrija.
Hu ħa post Button fl-2017 u kiseb 13 mit-30 punt li kisbu McLaren iżda din is-sena kienet negattiva għalih. Vandoorne kiseb il-punti fi tliet tiġrijiet mill-ewwel erbgħa iżda ma spiċċax mal-ewwel għaxra minn dakinhar.
//= $special ?>