Sport Sport Ieħor

Charlie Aquilina jirbaħ il-kategorija tal-veterani fit-Tazza tad-Dinja tat-Table Football

Il-plejer Malti Charlie Aquilina sar l-ewwel Malti li rebaħ il-kategorija tal-veterani fit-Tazza tad-Dinja li saret fi tmiem il-ġimgħa f’Ġibiltà. Aquilina fil-finali għeleb lil Pascal Scheen 2-1 wara li fis-semifinali kien elimina lit-Taljan Gianfranco Calonico 3-2.

Fl-istess kategorija ħadu sehem Joseph Mifsud, Mario Camilleri, Jason Pisani u John Zammit, bil-plejers Maltin jgħaddu kollha mill-fażi tal-gruppi. Jason Pisani u John Zammit waslu mal-aħħar 32, b’Pisani jitlef 4-3 bix-shots u Zammit tilef 4-3 kontra John Field. Joseph Mifsud u Mario Camilleri waslu mal-aħħar 16, biż-żewġ plejers ikunu eliminati b’telfiet ta’ 1-0.

F’din it-Tazza tad-Dinja ħadu sehem ukoll 200 atleta minn 18-il pajjiż fil-kompetizzjonijiet individwali. Massimo Cremona u Derek Conti kienu eliminati mal-aħħar 32 minn Samuel Bartolo 3-0 u Joseph Borg Bonaci 3-2 rispettivament.

Bartolo kien eliminat mal-aħħar 16 u Joseph Borg Bonaci wasal sal-kwarti tal-finali iżda tilef 2-1 kontra Justin Leroy. Jurgen Balzan wasal sal-kwarti tal-finali fil-kategorija ta’ taħt id-19-il sena.

It-tim Malti ħa sehem fil-kompetizzjoni tat-timijiet fejn wasal mal-aħħar tmienja u kien eliminat bil-golden goal kontra tim Taljan. It-tim tal-veterani ma rnexxielhomx jgħaddu mill-fażi tal-gruppi.