Lokali

Dikjarazzjoni xokkanti oħra minn Field Officer dwar każ mill-aktar abbużiv

Wara li fil-ħarġa tat-Tnejn ta’ In-Nazzjon ġie żvelat kif Joe Borg, Uffiċjal fis-Segretarjat Parlamentari mmexxi mis-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis kien intbagħat b’missjoni speċifika fit-Tribunal taż-Żejtun bl-iskop li jiddefendi mara minn kontravenzjonijiet maħruġa fil-konfront tagħha, illum kienet żvelata xhieda oħra – din id-darba minn Field Officer – dwar dan il-każ mill-aktar abbużiv.

F’xhieda li ta l-Field Officer 122 Joseph Mercieca dwar dan il-każ, jirrakkonta li nhar il-25 ta’ Lulju li  għadda, għall-ħabta tas-1.30pm, marret fuqu CO781 u infurmatu li barra t-Tribunal taż-Żejtun fejn ken qiegħed dak il-ħin xogħol, kien hemm ċertu Joe Borg.

Hu xehed li għall-ħabta tas-2pm kienet issejħet persuna li kellha l-kawża tagħha. Kien tela’ fuq il-pedana tax-xhieda CO384 fejn jgħid lill-Ispettur Marius Bugeja li kien hemm żball fil-kontravenzjoni. “Dak il-ħin l-Ispettur kien qallu biex jixhed normali.”

Il-Field Officer Joseph Mercieca kompla jixhed li mas-sinjura li kienet akkużata kien daħal Joe Borg u l-Kummissarju tal-Ġustizzja kien staqsieh jekk kellux x’jaqsam mal-kumpanija.

Joe Borg wieġeb li kienu bagħtuh mill-Ministeru ta’ Silvio Parnis biex jiddefendi l-każ. Il-Kummissarju tal-Ġustizzja qallu biex joħroġ ’il barra għax kull ma seta’ jagħmel kien biss li jixhed fil-kawża.

Wara xehed il-Gwardjan 384 u stqarr li kien sab il-vettura tal-mara pparkjata fuq double parking u wara kienet xehdet is-sinjura akkużata fejn ammettiet li kienet ipparkjat il-vettura b’mod ta’ ostaklu, iżda kienet qalet li kienet sakkret vettura ta’ kollegi tagħha.

Il-Field Officer fix-xhieda tiegħu kompla: “Nixtieq nispjega aħjar li bil-mod li kienet ipparkjata il-vettura tas-sinjura, minn ikun ġej mill-kantuniera biswit l-istess triq ikollu joħroġ parti sostanzjali fit-triq biex ikollu vista sew tat-triq.”

Hu qal li wara kien għajtu lil Joe Borg biex jixhed. Dan kien ippreżenta xi karti lill-Kummissarju tal-Ġustizzja u kien qal li kien intbagħat mis-Segretarjat ta’ Silvio Parnis u kien qal ukoll li hu kien mar fil-post hu personalment flimkien ma’ rappreżentanti ta’ Transport Malta kif ukoll tal-LESA biex isiru sinjali oħra.

Joseph Mercieca żied jixhed li fix-xhieda tiegħu Joe Borg qal ukoll li l-Gwardjani kienu jafu li ma jistgħux iħarrku hemmhekk.

Xehed li l-Kummissarju tal-Ġustizzja ddifferixxa l-kawża u ddeċieda biex itella’ jixhdu wkoll lir-rappreżentanti ta’ Transport Malta.

“Dak il-ħin Joe Borg ġibed l-attenzjoni lill-Kummissarju li kellu kawża oħra fit-3pm. Dik kienet il-kawża tiegħi.

“Dak il-ħin jien kont spjegajt lill-istess Kummissarju tal-Ġustizzja li kont ħarrikt lill-vettura msemmija minħabba li kienet qed ittellef il-vista tas-sewwieqa l-oħra. Wara Joe Borg ħareġ mill-Awla.”

Joseph Mercieca temm jixhed li: “Barra minn hekk jien qed nagħmel din l-istqarrija minħabba l-fatt li persuna ta’ dik il-kariga ma kellhiex titla’ biex tixhed u tirribatti u tiddefendi kawża kontra tagħna meta żmien ilu kien għaddieli card personali tiegħu ħalli jekk ikolli bżonn xi ħaġa nitkellem miegħu.”