Lokali

Diversi arresti wara rejds f’Bormla

Numru ta’ persuni ġew arrestati wara li t-Tlieta waranofsinhar diversi uffiċjali minn sezzjonijiet differenti tal-korp wettqu rejds f’partijiet differenti ta’ Bormla.

Fiċ-ċentru tal-ħidma tal-Pulizija fost oħrajn kien hemm ħanut tal-ikel u pastizzerija li jinsab f’Misraħ Gavino Gulia fejn dehru għexieren ta’ uffiċjali tal-Pulizija, uħud minnhom armati għal dak li jista’ jinqala’.

Fost l-uffiċjali involuti kien hemm dawk mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga u mill-Ispecial Intervention Unit, li wettqu rejd maġġuri fi stabbiliment li jinsab fuq wara tal-Għassa ta’ Bormla.

Madankollu, minkejja li saru xi arresti f’diversi ħidmiet f’din il-lokalità matul il-ġurnata, ma jidhirx li dawn saru mill-istabbilimenti ta’ Jeff’s Pastizzeria. Dan hekk kif il-Pulizija, minkejja li daħlu f’din il-pastizzerija wkoll, ma sabu xejn illegali.

L-aħbar ta’ din l-istorja wasslet għal diversi reazzjonijiet fuq il-midja soċjali, fejn diversi residenti ddikjara li mhux sorpriżi b’din il-ħidma tal-Pulizija.

Oħrajn ikkummentaw li kulħadd jaf li l-inħawi tal-għassa tal-Pulizija mhux il-post ideali fejn wieħed ikun u li r-rejds messhom ilom li saru hekk kif din iż-żona hi frekwentata minn persuni magħrufa u li saħansitra saru post fejn dawn in-nies jiltaqgħu għal attivitajiet illegali.